Friday, December 13, 2024

BŻONN TA’ MAPPA ĠDIDA GĦAD-DINJA

Aqra wkoll

Ahna u nippruvaw nifhmu d-dinja ġdida li qed tissawwar bil-pandemija, bil-kriżi tal-klima u fir-relazzjonijiet internazzjonali bil-gwerra tal-Ukrajna, insibu ruħna bħal Ptolemy 19-il seklu ilu u l-kartografi ta’ 500 sena ilu jippruvaw jimmappjaw l-artijiet li ma kinux skoprew. Kienu jsejħu dawn l-artijiet bħala ‘Terra Incognita’ ‘Art Mhux Magħrufa’ u jiddeskrivuhom li hemm kien hemm id-draguni, “Hic sunt dracones”.

Liema huma d-draguni li rridu niffaċċjaw fid-dinja ta’ wara l-Covid, fid-dinja fejn ikollna nbiddlu l-mod ta’ għixien tagħna u kif nipproduċu u nikkunsmaw biex nindirizzaw il-kriżi tal-klima u t-taqlib qawwi li qed ikollna fir-relazzjonijiet internazzjonali fejn qed jitfaċċaw qawwiet oħra bħaċ-Ċina u d-dinja ma tibqax iddominata mill-Istati Uniti?

Minħabba l-Covid diġa’ qed ikollna nressqu l-partijiet kollha ta’ produzzjoni lejn artijietna flok inħalluhom l-Asja. Anki f’pajjiżna stess għandna fabbriki li qabel kienu jaħdmu ma’ kumpannija fiċ-Ċina iżda minħabba d-dewmien biex jaslu l-affarijiet u kif għolew il-prezzijiet tat-trasport raw li jaqblilhom jaħdmu mit-Tuneżija fejn l-affarijiet jaslu malajr, hemm kwalita` tajba ta’ xogħol u l-prezzijiet huma irħas.

L-Ewropa u anki Malta jaqblilha tibni relazzjonijiet kummerċjali ġodda mal-Afrika biex jinħolqu opportunitajiet tajbin bħal dawn għaż-żewg kontinenti. Waqt li tikber ir-reġjonalizzazzjoni, ma jfissirx li għandna nabbandunaw il-globalizzazzjoni b’kontinenti differenti jingħalqu għal xulxin u kontra xulxin. Ikun ta’ ħsara u perikoluż għal ħafna raġunijiet. Ilkoll nghixu f’dinja wahda u għandna bżonn lil xulxin jekk ma rridux neqirdu lil xulxin.

Il-kriżi tal-klima trid tiġi ndirizzata bil-għaqal inkella tiżviluppa fi kriżi politika u ekonomika jekk jikkollassaw il-pajjiżi li bħalissa jgħixu miż-żejt u l-gass, jekk inwarrbu l-enerġija qadima bla nkunu sibna l-enerġija l-ġdida u jekk il-pajjiżi u ċ-ċittadini ma jiġux mgħejuna jagħmlu l-bidla mill-enerġija qadima maħmuġa għall-enerġija ġdida nadifa.

Ikollna reazzjoni qawwija perikoluża jekk il-miżuri li jindirizzaw il-kriżi tal-klima jitqiesu aktar ta’ theddida mill-kriżi ekonomika nnifisha li qed teqred id-dinja bin-nixfa, bl-għargħar, b’nirien kbar jibilgħu foresti sħah u l-livell tal-baħar tiela u jgħarraq l-art mal-kosta u hemm nies fil-gżejjer u l-ibliet li se jkollhom jabbadunaw fejn jgħixu għax qed jegħerqu. 

Il-gwerra fl-Ukrajna, għalkemm militarment qed tolqot pajjiż wieħed, qed ikollha konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u tas-sigurta` għad-dinja kollha, inkluż Malta. Dawn il-konsegwenzi se jibqgħu jinħassu għal ħafna snin wara li l-ġlied jintemm. Biss biss, il-gwerra qed iġġib skarsezzi u żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, tal-ikel, tat-trasport, tal-metall u tal-microchips … jiġifieri qed jintlaqtu l-oqsma kollha tal-ħajja. Id-dinja qed tiffaċċja l-periklu ta’ riċessjoni li fiha bħas-soltu jweġgħu l-pajjiżi u l-miljuni ta’ nies li l-inqas jifilħu.

L-iskultur Ġermaniż Thomas Schutte għandu skulturi li jsejħilhom “l-għedewwa magħquda”. Joboghdu lil xulxin u jippruvaw jinfirdu ‘l boghod minn xulxin iżda ma jistgħux għax marbutin bl-istess ħabel. Hekk aħna fuq din id-dinja: kemm jekk aħna ħbieb, ġirien jew għedewwa marbutin li nghixu flimkien. Irridu nsibu mod kif ma neqirdux lil xulxin.

Irridu nsibu sistemi ta’ sigurta` kif kull pajjiż ikun ħieles li jmexxi lilu nnifsu bla ma jkun ta’ theddida għall-ġirien u għall-bqija tad-dinja. Iweġgħu kemm iweġgħu l-kompromessi biex insibu dak li naqblu fuqu, l-alternattiva, li neqirdu lil xulxin dejjem tweġġa’ iżjed. Jekk irridu li n-nies jgħixu tajjeb u diċenti f’pajjiżna u f’din id-dinja mal-P tal-Poplu, Prosperita` u Pjaneta hemm bżonn żgur il-P tal-Paċi għax mingħajrha jisfaxxa kollox.

Ekonomija

Sport