Friday, December 20, 2024

“Bżonn ta’ pjan serju favur l-użu tar-roti”

Iċ-ċiklist Malti, Steve Zammit Lupi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Illum huwa l-Jum Dinji tar-Roti, jum iċċelebrat kull sena bil-għan li jiżdied l-għarfien u jitħajjru aktar nies biex jużaw din is-sistema ta’ trasport sostenibbli, li ma jiswiex flus, iżommok b’saħħtek fiżikament u ma jħammiġx l-ambjent. L-użu tar-roti f’Malta huwa baxx ħafna speċjalment meta tqabblu ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa bħall-Olanda u l-Ġermanja. Dwar dan Talk.mt tkellem maċ-ċiklist lokali Steve Zammit Lupi li kkonferma dan in-nuqqas u saħaq fl-importanza li f’Malta jsir pjan serju favur dan il-mezz ta’ mobbiltà nadifa u effiċjenti.

Sistema ta’ trasport li tippromwovi mezzi oħra bħalma hija r-rota jgħinu fil-ġlieda globali konta l-bdil fil-klima u għaldaqstant jgħinu biex jintlaħqu l-miri għal żvilupp sostenibbli tal-Ġnus Magħquda. Barra minnhekk, il-pandemija tal-Covid-19 u issa bi prezzijiet tat-trasport dejjem jogħlew, ħafna mexxejja qegħdin iħeġġu liċ-ċittadini tagħhom biex jużaw ir-roti. Iżda, biex wieħed jagħmel dan b’mod sigur, hemm bżonn ta’ ppjanar u tibdil fl-infrastrutturi tat-toroq li jkollhom karriġġjati apposta u vijabbli għal min isuq rota. 

“Sfortunatament Malta hija waħda mill-iżgħar pajjiżi fl-Ewropa li għandu l-inqas użu ta’ roti mill-poplu. Dan minħabba policies b’saħħithom favur karozzi għas-skapitu ta’ kull mezz ta’ trasport ieħor li fil-fatt jirrifletti sew ta’ kuljum fit-toroq tagħna,” spjega Zammit Lupi.

“Pjan li għadu fuq l-ixkaffa…

Dan il-jum dinji huwa mmirat biex il-popli madwar id-dinja jitgħallmu dwar il-benefiċċji taċ-ċikliżmu u biex il-gvernijiet itellgħu inizjattivi u jagħmlu strutturi apposta biex jimbottaw dan it-tip ta’ trasport alternattiv minn dak mekkanizzat. Ir-rota tgħin biex ikun hemm inqas traffiku fit-toroq. Problema li f’pajjiżna hija riflessa sew b’mod speċjali fil-ħinijiet li fihom il-ħaddiema jkunu sejrin għax-xogħol bil-karozza u t-tfal fi triqthom lejn l-iskola bix-xarabank. 

Iċ-ċiklist Malti, Steve Zammit Lupi

Zammit Lupi jaħseb li l-aktar punt kruċjali huwa li pajjiżna għad m’għandux pjan ta’ politika nazzjonali taċ-ċikliżmu (national cycling policy). “Din il-policy tfassal id-direzzjoni politika, livelli u miri li kieku jimxu magħha awtoritajiet meta jinbnew toroq ġodda, kieku jiġu ddisinjati karreġġjati tas-sewqan jew parkeġġ għar-roti,” kompla dan iċ-ċiklist.

Huwa qal li l-pjan ta’ politika nazzjonali taċ-ċikliżmu ilu jissemma’ mis-sena 2012, ġie ppublikat draft fis-sena 2018 u baqa’ fuq l-ixkaffa sal-lum. Fl-opinjoni tiegħu dan jirrefletti ħażin ħafna għax qiegħed jintilef ħafna żmien kruċjali meta sadanittant qegħdin jintefqu miljuni kbar f’infrastruttura tat-toroq.

Attivitajiet f’dan il-jum

Din is-sena qegħdin niċċelebraw il-ħames Jum Dinji tar-Roti. Il-Ġnus Magħquda ċċelebrat għall-ewwel darba dan il-jum fl-2018 fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (UN) fi New York. F’din l-okkażjoni uffiċjali tal-UN, diplomatiċi, atleti u persuni minn diversi gruppi ta’ ċiklisti tkellmu dwar il-lati pożittiv għal min juża r-rota bħala mezz ta’ trasport.

Fuq livell internazzjonali fil-Jum Dinji tar-Roti jsiru diversi attivitajiet fosthom taħditiet u tagħrif edukattiv, rallies, kampanji nazzjonali ta’ għarfien u promozzjoni. Fuq livell politiku l-gvernijiet huma mħeġġa jinkludu żvilupp nazzjonali b’aċċess għar-roti b’mod sigur, l-istakeholders huma mitluba jenfasizzaw li l-użu tar-roti huwa mezz biex tissaħħaħ l-edukazzjoni anke dik fiżika, jipprevjeni l-mard, jippromwovi tolleranza u jiffaċilita wkoll l-inklużjoni soċjali. F’dan il-jum l-enfasi hija biex l-istati membri jaddottaw l-aħjar prattiċi u jiżviluppaw mezzi li jippromwovu kultura ta’ ċikliżmu fis-soċjetà.

Fost l-attivitajiet li jittellgħu f’diversi pajjiżi hemm il-“Bike for School” għall-istudenti biex imorru l-iskola bir-rota; “Bike for Care” li tittella’ fil-pajjiżi tat-Tielet Dinjja fejn il-ħaddiema tas-saħħa jużaw ir-roti biex jinvistaw u jikkuraw aktar pazjenti; u l-“Bike for Work” inizjattiva għall-ħaddiema tal-gvern kif ukoll fis-settur privat. 

Wieħed jittama li dawn it-tip ta’ attivitajiet jinfirxu anke lokalment kif ukoll li ma jibqgħux biss okkażżjoni ta’ darba fis-sena. L-użu tar-roti bħala mezz ta’ trasport għandha titħaddan bħala prattika sana fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Ekonomija

Sport