Saturday, May 4, 2024

“L-imputat kien miġnun meta seħħ ir-reat”

Tliet Psikjatri fil-Qorti

Aqra wkoll

Taw ix-xhieda tagħhom il-Psikjatri Dr Anthony Dimech, il-Psikjatra Dr Anton Grech u l-Psikjatra Dr George Debono li ġew maħtura biex jeżaminaw l-imputat u jagħtu l-opinjoni tagħhom jekk kienx miġnun fiż-żmien li fih seħħ ir-reat jew jekk għandhiex tkompli l-kumpilazzjoni b’rabta mal-qtil.

Il-Psikjatri qalu li huma wettqu l-inkarigu assenjat lilhom u waslu għall-konklużjoni li wisq probabbli Abner kien fi stat ta’ psikożi severa fil-perjodu li fih ġie kommess ir-reat.

Il-Psikjatri qalu wkoll li f’dan l-istadju, l-imputat mhuwiex fi stat li jgħaddi ġuri bbażat fuq l-istat mentali tiegħu fl-10 ta’ Mejju.

Żiedu jgħidu li ċertu ħsibijiet u delużjonijiet li kellu fi żmien ir-reat kien għadu jħaddanhom b’passjoni tant li ma setgħux jgħidu li l-imputat kien fi stat ta’ awtonomija li jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu fil-Qorti.

Peress li mir-rapport u mix-xhieda tal-esperti psikjatriċi nsab li l-imputat kien miġnun fi żmien tar-reati li bihom jinsab mixli, il-Qorti ordnat li l-atti tal-kumpilazzjoni jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali. Apparti hekk, il-Qorti ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest fl-isptar Monte Carmeli biex jibqa’ taħt kustodja u miżmum skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar is-Saħħa Mentali. Il-Qorti ordnat ukoll notifika ta’ dan id-digriet lill-Kummissarju tas-Saħħa Mentali.

10:15 a.m: Is-seduta posposta bi ftit minuti

Il-kawża ġiet posposta għal xi ħin wara li l-Qorti kienet infurmata li l-avukat difensur kien qiegħed jagħmel trattazzjoni quddiem il-Qorti tal-Appell.

10:00: Abner fl-awla biex tkompli l-kawża kontrih b’rabta mal-qtil ta’ Paulina Dembska
Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, dalgħodu se tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Abner George Aquilina, li qed jiġi mixli bil-qtil u l-istupru ta’ Paulina Dembska, Pollakka ta’ 29 sena.  

Il-qtil kien seħħ fit-2 ta’ Jannar li għadda fi Ġnien l-Indipendenza, Tas-Sliema. Aquilina qed jiġi mixli wkoll li żamm lil Dembska kontra l-volontà tagħha, li kiser il-bon ordni u l-paċi pubblika fil-Knisja tal-Balluta u li kien riċediv. 

Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. 

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Shawn Pawney, Jonathan Ransley u Wayne Camilleri. Aquilina għandu jiddefenduh lill-Avukati Mario Mifsud u Christian Camilleri.

Sport