Sunday, December 22, 2024

Bżonn urġenti ta’ demm tat-tip O positive u A positive

Aqra wkoll

Bħalma kien mistenni, fl-aħħar ġimgħa f’pajjiżna kien hawn ħafna attenzjoni fuq l-elezzjoni ġenerali u dan ħalla effett negattiv fuq l-għadd ta’ persuni li resqu biex jagħtu d-demm. Bil-konsegwenza t’hekk il-livell ta’ riserva tad-demm tat-tip O positive u A positive niżlet għal livell kritiku. Issa li qed nerġgħu niġu lura lejn in-normalità, tajjeb li wieħed ikun konxju ta’ dan il-bżonn indispensabbli għal ħafna morda fl-isptarijiet tagħna, u wieħed għandu jieħu l-opportunità biex jagħti d-demm bħala ġest ta’ solidarjetà nazzjonali.

Għaldaqstant is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm iħeġġeġ lill-poplu sabiex jagħmel ġest mill-sabiħ u jmur jagħti d-demm f’wieħed minn dawn il-postijiet:

  • Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum (sebat ijiem fil-ġimgħa, inkluż il-Ħdud u l-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm. 
  • Fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar Il-Ħamis 31 ta’ Marzu ser ikun fil-caravan site ta’ Baħar iċ-Ċagħaq (wara l-iSplash and Fun). Il-ħin disponibbli għall-għoti tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.
  • Fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 3 t’April ser ikun fi Pjazza Medatriċi, maġenb il-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żabbar. Dakinhar il-ħin disponibbli għall-għoti tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.
  • Fil-Berġa tax-Xewkija li nhar it-Tlieta 5 t’April ser tkun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

Huwa importanti li:

  • Dawk li ser imorru biex jagħtu d-demm iridu jippreżentaw il-karta tal-identità jew il-liċenzja tas-sewqan, inkella passaport Malti.
  • Dawk li għamlu s-swab test, sew jekk ta’ rutina, sew jekk minħabba safar jew ħtiġijiet oħra, huma mitluba biex jistennew sakemm joħroġ riżultat ‘COVID Negative’.
  • Dawk li ġew ittestjati pożittivi għall-COVID ikunu jistgħu jagħtu d-demm ġimagħtejn minn meta tintemm il-kwarantina.
  • Dawk li kienu fi kwarantina u ma kinux ittestjati pożittivi għall-COVID jistgħu jagħtu d-demm malli jintemm il-perjodu ta’ iżolament.
Ekonomija

Sport