Thursday, October 31, 2024

Care workers impjegati ma’ Apex Care se jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar

Apex Group tiċċelebra l-10 snin mit-twaqqif tagħha … għas-sena d-dieħla mistenni li żżid l-impjegati tagħha b’25%

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid ma’ Apex Group, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu u li se jtul sal-2025. Dan se jippermetti care workers li jaħdmu ma’ Apex Community Care biex jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. 

Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin u mill-Assistent Segretarju tat-Taqsima Lawrence Bugeja. F’isem Apex Group iffirma ċ-Chairman u d-Direttur tal-Operazzjonijiet u l-Iżvilupp tan-Negozju Aaron Axiaq. 

Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. L-iffirmar seħħ ilbieraħ proprju fl-okkażjoni tal-10 anniversarju ta’ Apex Group, u wara attività li fiha ġew inawgurati l-uffiċini l-ġodda tal-kumpanija fl-Imrieħel. 

Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Kendrick Bondin iddeskriva dan il-ftehim bħala wieħed fejn “iż-żewġ naħat tgħallmu minn xulxin.” Qal li l-ftehim huwa l-frott ta’ kemm din il-kumpanija qiegħda tinvesti fil-ħaddiema u anke fil-klijenti tagħha. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti biex intlaħaq dan il-ftehim u qal li jħares ‘il quddiem biex ikomplu jissaħħu l-pedamenti li diġà bdew ma’ din il-kumpanija. 

Min-naħa tiegħu, is-Sur Aaron Axiaq spjega li Apex Group hi waħda mill-fornituri ewlenin ta’ servizzi f’Malta, li toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi fil-komunità inkluż il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa u infermiera, childcare, tindif kummerċjali u programmi edukattivi. 

“Ridna noħolqu waħda one-stop-shop għal servizzi professjonali u anċillari fi ħdan il-komunità, bl-għan prinċipali huwa li jkun assigurat il-benesseri ġenerali tas-soċjetà tagħna,” qal Axiaq.

Il-kumpanija bdiet bi tliet impjegati fl-2012 u issa timpjega ‘l fuq minn 250 impjegat. Dan filwaqt li għas-sena d-dieħla qed taħseb li żżid l-għadd ta’ impjegati tagħha b’25%. 

Sadanittant, preżenti għall-inawgurazzjoni tal-uffiċini l-ġodda tal-kumpanija kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri li qal li l-istorja ta’ Apex Group turi dak kollu li hi kumpanija Maltija bi spirtu intraprenditorjali qawwi u li ma taqtax qalbha quddiem l-isfidi. 

Il-Ministru Schembri qal li: “il-fatt li kontu kapaċi timxu maż-żminijiet u sena wara t-twaqqif tal-kumpanija mortu anke fis-settur taċ-childcare tatkom ir-riżultat meħtieġ. Bdejtu bl-ewwel childcare u llum għandkom sitta. Din il-miżura li daħħal dan il-Gvern għenet biex ħafna aktar nisa daħlu fid-dinja tax-xogħol.”  

Sport