Friday, April 19, 2024

Caritas Malta se tqassam madwar 800 ikla lil dawk li jinsabu waħidhom

Aqra wkoll

Caritas Malta llum ħabbret l-inizjattiva li f’Jum il-Milied se tkun qed tqassam madwar 800 ikla fi djar ta’ persuni li jinsabu weħidhom jew m’għandhomx il-mezzi biex jorganizzaw ikla għall-familja tagħhom. 

Din hija s-seba’ sena li Caritas Malta qed torganizza attività f’Jum il-Milied. Qabel il-pandemija, kienet issir ikla kbira fil-Kurja tal-Arċisqof li kienet tospita ‘l fuq minn 600 persuna. 

Is-Sur Anthony Gatt, Direttur Caritas Malta spjega li parti mill-ħidma ta’ Caritas Malta hi li jiġi eredikat il-faqar u nkomplu nsaħħu l-iżvilupp tal-persuna, waqt li tkellem ukoll dwar il-persuna li tħossha weħidha u f’dawn iż-żminijiet ta’ festi s-solitudni tinħass iktar minn ġranet normali fejn il-bniedem jgħaddi minn tbatija ferm ikbar. 

Is-Sur Gatt tkellem dwar li dan kollu ma jistax ikun possibbli jekk mhux bil-kollaborazzjoni tal-kappillani u bis-sehem importanti tal-voluntiera. Madwar 120 voluntier li matul is-sena jgħinu fit-tqassim tal-ikel  fil-parroċċi u komunitajiet, se jkunu qed iqassmu l-ikel u wkoll uħud minnhom jirrispondu telefonati ta’ min jinsab waħdu. Min jixtieq jgħin f’din il-ħidma f’Jum il-Milied jista’ jżur is-sit djakonija.org u jimla l-formola “Sejħa għall-Voluntiera nhar il-Miied”. 

Irringrazzja lil The Alfred Mizzi Foundation li mill-bidu nett kienu wara din l-attività u mhux biss, fl-eqqel tal-pandemija,  kienu jippreparaw 800 ikla kuljum għal dawk li ntlaqtu. 

Anthony Gatt irringrazzja lill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta li dejjem kien ta’  appoġġ f’din l-attività permezz ta’ ħelu mħejji apposta biex jitqassam u jferraħ lil dawk li jinsabu weħidhom. 

Is-Sur Julian Sammut, Chairperson ta’ The Alfred Mizzi Foundation irringrazzja lill-ħaddiema ta’ Vecchia Napoli u Cuba restaurants li b’mod volontarju għal dawn l-aħħar seba’ snin dejjem kienu minn ta’ quddiem biex jippreparaw dan l-ikel li jitqassam fil-Milied kif ukoll kumpaniji oħra li kkontribbwixxw b’xi prodotti. Spjega dwar l-ikel li kien qed jiġi mħejji li se jinkludi imqarun il-forn u dundjan tradizzjonali tal-Milied. Jingħata wkoll Panettone. “Għall-Alfred Mizzi Foundation huwa ta’ sodisfazzjon kbir li għal sena oħra għandna l-opportunità li nlestu dan l-ikel li se jferrah tant nies. Għall-Fondazzjoni tagħna dan inqisuh bħala privileġġ.”

Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għall-ħidma soċjali, tkellem dwar il-bidliet li ġabet lis-soċjetà l-pandemija li jsarrfu f’ħafna tbatijiet. “Permezz ta’ Caritas li qed tagħti din l-id ta’ sapport, il-pandemija joħroġ minnha xi ħaġa sabiħa. L-imprendituri The Alfred Mizzi Foundation, ma waqfux meta waqaf kollox anzi ħasbu f’min qed ibati,” temm jgħid Mons. Cordina waqt li rringrazzja lil dawk preżenti u faħħar dan il-ġest li min għandu jaqsam ma’ min m’għandux. Faħħar l-impenn tal-voluntiera li minflok li għażlu jibqgħu d-dar fil-jiem tal-Milied mal-familji tagħhom, għażlu li joħorġu f’Jum il-Milied u huma ta’ eżempju ħaj li anki mit-traġedji bħal m’hija l-Covid-19, ħareġ xi ħaġa sabiħa.

Sport