Wednesday, April 24, 2024

Il-Bank of Valletta se jħallas Dividend Interim f’Jannar.

Aqra wkoll

Il-Bord tad-Diretturi tal-Bank of Valletta qies u ddikjara dividend gross interim ta’ €0.0264 għal kull sehem (€0.01716 nett mit-taxxa) soġġett għall-approvazzjoni regolatorja.

Id-deċiżjoni tal-Bank issegwi t-tħabbir tax-xahar li għadda ta’ €46.5 miljun fi qligħ mill-Bank matul l-ewwel disa’ xhur tal-2021.

Iċ-Chairman tal-BOV Dr Gordon Cordina esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-prestazzjoni tal-Bank minkejja l-pandemija li għadha għaddejja. Id-dħul tal-grupp BOV għal l-ewwel 9 xhur tas-sena kienu 4% ogħla milli fl-istess perjodu fl-2020 b’self nett u avvanzi jiżdiedu b’5.1% fuq l-istess perjodu bi tkabbir sostanzjali li jkun irreġistrat kemm fis-self għan-negozju kif ukoll għad-djar.

Il-Grupp ikompli jżomm prospett kawt għall-bqija tas-sena, speċjalment fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu lejn il-provvediment tal-kreditu.

Id-dividend se jitħallas nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Jannar 2022 lil dawk l-azzjonisti li jidhru fir-Reġistru tal-Membri tal-Bank, kif jinżamm fid-Depożitarju Ċentrali tat-Titoli fil-Borża ta’ Malta, fl-għeluq tan-negozju tal-Ħamis 13 ta’ Jannar 2022.

Sport