L-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla ffirmaw ftehim li permezz tiegħu proprjetà pubblika f’Triq it-Tlett Ibliet, Bormla, se tingħata lill-Kunsill Lokali għal perjodu ta’ ħames snin.
Il-proprjetà, li tkopri madwar 1,571 metru kwadru, se tintuża għall-iżvilupp ta’ Cat Cafe, li se jservi kemm bħala spazju għall-komunità kif ukoll bħala ambjent adattat għall-qtates li jgħixu fiż-żona.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla se jkun jista’ jagħmel użu aħjar minn spazju pubbliku u jiżviluppah f’post li jikkontribwixxi għat-titjib tal-ambjent tal-madwar, filwaqt li joffri wkoll servizz b’benefiċċju dirett għall-komunità u għall-annimali.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici qal li dan il-ftehim huwa eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern qed ikompli jaħdem mal-Kunsilli Lokali biex proprjetà pubblika tintuża bl-aħjar mod possibbli għall-benefiċċju tal-komunitajiet.
“Meta proprjetà pubblika tingħata ħajja ġdida u tintuża b’mod li jindirizza l-ħtiġijiet tal-komunità, inkunu qed niżguraw li r-riżorsi tal-pajjiż qed jaslu fejn jistgħu jagħmlu l-akbar differenza. Il-Kunsilli Lokali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw il-ħtiġijiet tar-residenti tagħhom u għalhekk huwa importanti li nibqgħu nagħtuhom l-appoġġ u l-ispazju meħtieġ biex iwettqu l-ħidma tagħhom,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza tal-ħidma kontinwa bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali sabiex spazji pubbliċi jingħataw użu ġdid u jkunu ta’ benefiċċju dirett għall-komunità. “Il-ħidma flimkien bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali hija ċ-ċavetta biex inkomplu noħolqu komunitajiet aktar b’saħħithom, b’aktar spazji li jkunu ta’ ġid għar-residenti.” Hija qalet li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni qed ikomplu jitwettqu proġetti li jwieġbu għall-ħtiġijiet partikolari ta’ kull lokalità.
Is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius qal li dan il-ftehim se jwassal għal użu ġdid ta’ dan l-ispazju u joffri opportunità biex jinħoloq ambjent li jgawdu minnu kemm ir-residenti kif ukoll dawk li jieħdu ħsieb il-qtates li jgħixu fit-toroq.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella, kif ukoll is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla Crystal Degabriele.
