Thursday, August 20, 2026
Home Bloggers ISTITUZZJONIJIET

ISTITUZZJONIJIET

0
9

Induru kemm induru madwar il-lewża, sfida essenzjali tas-soċjetà Maltija tibqa’ kif se tittrasforma ruħha minn waħda fejn id-deċiżjonjijiet kbar u żgħar jiddependu mill-influwenza u l-poter personali, għal waħda fejn jitħaddmu strutturi trasparenti ta’ konsultazzjoni u diskors ġenwin dwar x’għandu jsir u kif. Mhux imbilli dħalna membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea bit-tbassir dwar l-effetti pożittivi tagħhom fuq l-imġiba publika tagħna li kienu jagħmlu l-erwieħ tajba 23 sena ilu. Bqajna nippreferu li kemm jista’ jkun naħdmu permezz tal-ħbieb tal-ħbieb, mhux skont regoli “istituzzjonalizzati”. U dan kemm għal affarijiet kbar, kemm żgħar.

Diffiċli tgħid minn fejn din il-bixra fl-imġiba kollettiva tagħna ġejja. Jekk hux għax aħna poplu “Mediterraneu” – jew hux għax iċ-ċokon tas-soċjetà jagħmilha inevitabbli. F’ħafna oqsma tat-teknika moderna malajr immodernizzajna l-imġiba tagħna. Fil-qasam ta’ kif tiġi ordnata l-imġiba kollettiva, ftit li xejn jifridna mill-antenati tagħna ta’ żmien il-Kavalieri… jew ta’ żminijiet aktar bikrija.

INĊERTEZZI

L-amministrazzjoni Trump ma tatx bidu għall-inċertezzi li nfirxu mar-relazzjonijiet internazzjonali fl-aħħar żminijiet, imma għenet biex iżżidhom. Il-gwerra li r-Russja nediet fl-Ukrajna u l-għawġ terribbli fil-Gaza telqu meta Trump kien għadu kandidat għall-presidenza Amerikana. L-istess it-taħsir li rranka fil-klima

Biss il-mod kif ittratta dawn it-tliet kwistjonijiet kbar ta’ inċertezza dinjija tahom riħ biex jitkebbsu aktar, mhux lanqas minħabba t-tibdil imħarbat f’kif tħabbret u twettqet il-politika Amerikana dwarhom. Aktar minn hekk imbagħad, kien hemm il-politika li biha l-gvern Amerikan daħħal tariffi ġodda fuq merkanzija mill-bqija tad-dinja u fuq kollox fl-aħħar xhur, il-gwerra kontra l-Iran. 

Qatt daqs illum, l-Istati Uniti ma nħassew bħala sors ta’ inċertezza mill-bqija tal-ġnus. Meta dan ġara qabel, kien l-aktar fost l-avversarji tal-Amerika. Illum, is-sentiment xtered ukoll fost l-alleati tagħha.

TA’ QABILNA

Kelli l-opportunità dan l-aħħar li nqalleb fl-arkivji ta’ gazzetti Maltin ippublikati mas-sebgħin sena ilu, fis-snin 50 tas-seklu l-ieħor. Ħaġa ovvja li f’numru ta’ aspetti ewlenin, il-ħajja nbidlet radikalment. Pereżempju, jispikka kemm il-preżenza fostna tal-bażi militari Ingliża kienet tinħass fil-ħajja ta’ kuljum.

Xorta waħda, ċerti dwejjaq u interessi li kienu jfissru n-nies dak iż-żmien, għadek tisma’ bihom illum. Pereżempju, dwar it-traffiku wisq iffullat – it-turiżmu u kif qed jiżviluppa – in-nuqqas ta’ djar għall-Maltin – it-trattament li jingħata l-konsumatur… Anke l-polemiċi li kienu jqumu bejn qarrejja tal-ġurnali, għandhom ħafna minn dawk li konna naqraw sa ftit ilu fil-gazzetti – u llum emigraw lejn il-medja soċjali.

Minn ħafna perspettivi, veru, l-imgħoddi jitqies bħala pajjiż barrani. Mhux f’kollox: kelli nikkonkludi li ftit hemm x’jifridna minn ta’ qabilna f’kif ngħixu u naħsbu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here