Tuesday, September 22, 2026

PISA

0
50

Sal-mument meta qed nikteb dan, ir-riżultati miksuba minn Malta fir-rapport ta’ Pisa imtella’ mill-OECD ftit qanqlu kontroversji fostna, talanqas imqabbla ma’ x’ġara f’pajjiżi oħra Ewropej, anke kbar. Fihom, id-dibattiti qamu saħansitra qabel ir-rapport kollu ġie ppublikat. Ħafna kienu xxuukjati b’kemm fix-xjenzi u l-matematika l-kisbiet tal-istudenti kienu  majnaw.

Meta r-riżultati ta’ Pisa jitpoġġew qrib riżultati oħra ta’ riċerka edukattiva, pereżempju dwar kemm studenti qed ikunu kapaċi jaqraw test miktub sal-aħħar, it-tħassib bilfors jikkarga. Kollox donnu juri li ġrat bidla fondamentali f’kif l-istudenti jirrikonoxxu s-siwi tal-istudji li qed jagħmlu u f’kif isegwuhom. L-avvanzi fit-teknoloġiji tal-informatika jaħtu l-aktar. Il-bużillis hu li m’hemmx ċertezza dwar għaliex u kif il-bidla qed tkun daqshekk negattiva. Hi ħaġa ovvja li fost affarijiet oħra, iridu jinbidlu l-metodi tat-tagħlim. Imma għall-mistoqsija kif dan jista’ jseħħ, ftit hemm dawl.

Kont immaġinajt li d-dibattitu dwar dawn il-materji tassew importanti se jfur hawn Malta…

PROPOSTI 

Il-Kamra tal-Kummerċ għamlet ħafna kummenti u proposti eċċellenti fid-dokument li ħarġet għal qabel il-baġit tal-gvern għas-sena 2027. Id-dokument jixraqlu attenzjoni serja. Diffiċli tikkritika ħafna mill-analiżi li fih tar-realtà ekonomika f’pajjiżna llum. L-għażliet strateġiċi quddiem it-tmexxija ekonomika tal-pajjiż, fi żmien meta jinsabu għaddejja bidliet kbar fl-ekonomija dinjija, huma ssettjati tajjeb.

Biss id-dokument għandu difett kbir. Ftit li xejn jgħid dwar kif is-settur privat Malti se jkun irid ukoll itejjeb l-operat tiegħu. Ħafna mill-kummenti dwar it-tmexxija publika japplikaw tajjeb ukoll għas-settur privat Malti, li fil-parti l-kbira tiegħu baqa’ jippreferi l-għażliet merkantili li jrendu f’perspettiva qasira. Ir-referenza tal-Kamra tal-Kummerċ għal kif is-settur privat “barrani” fostna jgawdi minn rati ta’ taxxi preferenzjali ma jikkonvinċix bħala spjega għaliex dan qed jiġri.

SĦUBIJA ASSOĊJATA

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ħarġet bl-idea li l-Kanada ssir membru assoċjat tal-Unjoni Ewropea. Fir-realtà dan l-istatut ma jeżistix, għalkemm f’imgħoddi mbiegħed Malta kienet tipproklama li bil-ftehim ta’ assoċjazzjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea (dak iż-żmien din kellha isem ieħor) kienet taqa’ taħtu.

Dan l-aħħar, il-Ġermanja issuġġeriet li jinħoloq arranġament ġdid fejn l-Ukrajna (u oħrajn) ikunu jistgħu jattendu… u anke jieħdu sehem f’istituzzjonijiet tal-Unjoni (Kunsill, Kummissjoni…) bla dritt ta’ vot. Nimmaġina li anke arranġament hekk jista’ jissejjaħ statut ta’ sħubija assoċjata. Kemm ikun vijabbli, aktar u aktar jekk jinħoloq għall-Ukrajna u għall-Kanada fuq quddiem nett, hi ħaġ’oħra.

Aktar milli x’jissejħu, l-importanti hu li r-relazzjonjiet tal-Unjoni Ewropea ma’ pajjiż terz jitfasslu skont premessi sodi li jagħmlu sens għaż-żewġ naħat u li ma joħolqux inkwiet ġustifikat fost potenzi terzi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here