Il-Ħadd 4 ta’ Ottubru 2026, ġewwa Villa Fiorita f’Marsalforn ser tiġi organizzata l-ħames edizzjoni tal-Ewfonija Grand Operatic Concert, inizjattiva organizzata minn Ewfonija taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Mariella Spiteri Cefai.
Il-kunċert, li jibda fis-7.30pm, se joffri lill-pubbliku serata ddedikata għal uħud mill-isbaħ paġni tal-opra u tal-mużika orkestrali u korali. Il-programm inħadem biex iwassal varjetà ta’ stili, karattri u emozzjonijiet, filwaqt li juri l-qawwa tal-kor u tal-orkestra flimkien.
Għal din l-edizzjoni, l-Ewfonija Chorus & Orchestra se jippreżentaw programm li jinkludi xogħlijiet minn kompożituri magħrufa bħal Paisiello, Verdi, Giordano, Saint-Saëns u Bizet, fost oħrajn. Il-programm se jgħaqqad xogħlijiet magħrufa u maħbuba mill-pubbliku, fosthom siltiet minn opri popolari bħal Nabucco, I Lombardi, Carmen u Aida, li joffru melodiji familjari u mumenti korali qawwija. Flimkien ma’ dawn, il-kunċert se jippreżenta wkoll xogħlijiet inqas magħrufa iżda ta’ interess mużikali kbir, fosthom il-Prelude mit-tieni att ta’ Siberia ta’ Umberto Giordano u Danse Bacchanale minn Samson et Dalila ta’ Camille Saint-Saëns. Parti partikolarment sinifikanti tal-programm se tkun iddedikata lill-mużika Maltija, permezz ta’ siltiet mill-opra Valeriana tal-kompożitur Għawdxi Joseph Vella. Il-pubbliku se jkollu l-opportunità jisma’ diversi siltiet korali minn din l-opra.
Il-Ewfonija Grand Operatic Concert sar wieħed mill-avvenimenti ewlenin fil-kalendarju kulturali ta’ Ewfonija u fix-xena mużikali Għawdxija. Il-kunċert jagħti wkoll bidu għal- Opera is Gozo, xahar iddedikat lill-opra li jinkludi sensiela ta’ kunċerti u attivitajiet relatati mal-ġeneru operistiku, bl-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex.
L-organizzaturi ta’ dan il-kunċert jemmnu li l-mużika klassika u operistika għandha tkun aċċessibbli għal udjenza wiesgħa, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet biex jiġi apprezzat u promoss it-talent mużikali lokali.
Il-kunċert ta’ din is-sena se jkun bla ħlas u miftuħ għal kulħadd. Fl-istess waqt, il-kunċert se jkollu dimensjoni ta’ solidarjetà, hekk kif dawk preżenti se jkollhom l-opportunità jagħtu donazzjoni volontarja favur Arka Foundation.
Minħabba l-ispazju limitat, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jagħmel il-prenotazzjoni tiegħu minn qabel. Għal aktar informazzjoni u prenotazzjonijiet wieħed jista’ jikkuntattja lil Ewfonija fuq 7958 6041 jew permezz ta’ [email protected].




