Mykhailo Fedorov, li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien fl-aħbarijiet internazzjonali wara li tkeċċa ħesrem minn ministru tad-difiża tal-Ukrajna appella biex isiru elezzjonijiet presidenzjali fil-pajjiż f’dan iż-żmien, f’mossa li qed titqies b’mod wiesa’ bħala l-akbar sfida għall-presidenza ta’ Volodymyr Zelensky mill-invażjoni sħiħa tar-Russja erba’ snin u nofs ilu.
“Id-demokrazija ma tistax tinżamm ostaġġ mir-Russja,” qal Fedorov, f’filmat ippubblikat fuq YouTube nhar it-Tlieta, filwaqt li żied jgħid li l-Ukrajna qed tiġġieled u tirreżisti preċiżament għaliex trid tibqa stat ħieles Ewropew.
L-Ukrajna ilha taħt liġi marzjali minn mindu faqqgħet il-gwerra mar-Russja fl-2022, fatt li jfisser li l-elezzjonijiet fil-pajjiż huma sospiżi.
Fedorov, li fil-filmat li xandar ma semmiex lil Zelensky b’ismu, kien tneħħa b’mod sorprendenti mill-kariga ta’ Ministru tad-Difiża x-xahar li għadda, sitt xhur biss wara li kien ingħata l-kariga.
Fedorov kien popolari u mfaħħar ħafna matul iż-żmien li serva bħala Ministru tad-Difiża u kien rikonoxxut talli ta spinta ġdida lill-ministeru, mexxa kampanja kontra l-korruzzjoni u uża l-informazzjoni disponibbli biex janalizza u jipprova jtejjeb il-prestazzjoni fuq il-front tal-gwerra.
Huwa mifhum b’mod wiesa’ li t-tkeċċija tiegħu minn ministru tad-difiża kienet marbuta ma’ tensjonijiet bejnu u bejn il-kap kmandant tal-armata, Oleksandr Syrskyi li wkoll ġie mneħħi mill-kariga, hekk kif il-protesti li kienu qed jitolbu li Fedorov jerġa’ jinħatar fil-kariga bdew dejjem jikbru u żiedu l-pressjoni fuq il-President Ukren Zelensky.
Ftit ġimgħat ilu, Fedorov ġie offrut karigi oħra fil-gvern, fosthom dik ta’ Deputat Prim Ministru għall-Innovazzjoni Militari, iżda huwa ċaħad l-offerta u stqarr li kien lest jirritorna biss fil-kariga ta’ Ministru tad-Difiża.
Sigħat qabel ma Fedorov ippubblika l-filmat tiegħu, Zelensky ikkonferma li kien innomina lil Yevhenii Khmara għall-kariga ta’ Ministru tad-Difiża. Khmara huwa uffiċjal tal-intelliġenza b’karriera twila iżda bi profil politiku baxx.
Fil-filmat, Fedorov ma ta l-ebda indikazzjoni dwar il-pjanijiet politiċi tiegħu stess. Minflok, iffoka fuq il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu legali, sigur u realistiku li jippermetti lill-Ukrajna tirrestawra proċess demokratiku sħiħ anke waqt gwerra fit-tul.
Huwa żied jgħid li l-pajjiż li kien qed jiffaċċja kriżi sistemika ta’ governanza kien qed “jibża’ mill-bidla”, filwaqt li rrefera għall-korruzzjoni fl-Ukrajna bħala waħda mill-affarijiet li qed ixekklu l-isforz tal-pajjiż fil-gwerra.




