Thursday, August 20, 2026
Home Fehmietna UE dgħajfa fil-qasam internazzjonali… falliment politiku u morali

UE dgħajfa fil-qasam internazzjonali… falliment politiku u morali

0
9

Sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha u għal żmien twil wara, l-Unjoni Ewropea ġiet ippreżentata bħala proġett ta’ paċi, mibni madwar valuri bħad-drittijiet tal-bniedem u d-diplomazija. Qabel is-sena 2014, il-baġit tal-Unjoni Ewropea ma kien jinkludi l-ebda nfiq militari ddedikat, għalkemm xi żviluppi kienu diġà bdew inaqqsu dik l-immaġni, bħal finanzjament għar-riċerka dwar is-“sigurtà” u strumenti barra mill-baġit għal missjonijiet militari.

Ġara li mis-sena 2017 ’lhawn, l-Unjoni Ewropea espandiet malajr ir-rwol militari tagħha, bniet infrastruttura istituzzjonali ġdida, u żiedet l-appoġġ tagħha għall-industrija tal-armi. Il-baġit attwali tal-Unjoni Ewropea ta’ seba’ snin, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021–27, huwa l-ewwel wieħed li jinkludi nfiq militari sinifikanti. Ir-rispons tal-UE għall-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja tal-Ukrajna fl-2022 aċċellera u wessa’ l-militarizzazzjoni Ewropea, inkluża l-introduzzjoni ta’ diversi strumenti ta’ finanzjament ad-hoc u temporanji.

Ejja ngħiduha kif inhi. Din il-bidla ġiet bi prezz. Il-Kap tan-NATO Mark Rutte stess  ammetta apertament fis-sena 2025 li “li tonfoq aktar fuq id-difiża jfisser li tonfoq inqas fuq prijoritajiet oħra”, qabel ma qal lill-Parlament Ewropew li l-flus jeħtieġ li jiġu ddevjati minn “sistemi tal-pensjonijiet, tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali” lejn prijoritajiet militari.

Dan il-pass ittieħed minkejja li għadd ta’ popli fl-Ewropea qegħdin jaraw il-kwalità tal-ħajja tagħha sejra lura. Qegħdin jaraw li l-problemi soċjali qegħdin jikbru fil-kbir. Qegħdin jaraw li l-ispiża tagħhom qiegħda dejjem tiżdied. 

Din tqajjem id-domanda kif se jiġu solvuti l-kriżijiet soċjali, ekonomiċi, ekoloġiċi u politiċi li qed jiffaċċjaw l-Ewropa u d-dinja. Billi troxx ftit flus ‘lhawn u ‘lhinn kif inhi x-xejra llum mhux se ssolvi l-problemi soċjali. 

It-tellieqa li għaddejja biha l-Unjoni Ewropea biex tinvesti fl-armi se tkompli toħloq ħafna aktar problemi. Mhux se ssolvi l-problemi eżistenti. Tellieqa għall-armi iġġib magħha qerda.

Bejn l- 2014 u l-2020, l-Unjoni Ewropea nefqet €591 miljun fuq żewġ programmi pilota: l-Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka dwar id-Difiża (PADR) u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp tal-Industrija tad-Difiża (EDIDP). It-tnejn kienu prekursuri tal-Fond Ewropew għad-Difiża u ffinanzjaw proġetti fir-riċerka u l-iżvilupp militari. Fl-2017, l-ambitu tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, li oriġinarjament twaqqaf biex jiffinanzja l-isforzi għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi, ġie estiż biex ikopri wkoll tagħmir militari u ta’ sigurtà mhux letali għal atturi militari f’pajjiżi mhux tal-UE.

U waqt li l-Unjoni Ewropea qiegħda narawh tinvesti flejjes kbar fl-armamenti, naraw imbagħad Unjoni Ewropea dgħajfa ħafna quddiem kriżijiet umanitarji. Il-kriżi fis-Sudan, f’Gaża u żoni oħra.  Fejn hi r-rieda minn naħa tal-Unjoni Ewropea li tara li jieqaf il-ġlied, li minnu qegħdin ibatu u jinqatlu persuni ċivili f’Gaża?  Meta se naraw Unjoni Ewropea li verament taħdem għall-paċi?  Meta se naraw Unjoni Ewropea b’vuċi verament b’saħħitha?

Ma nistgħux ma nistaqsi l-Unjoni Ewropea x’qiegħda tagħmel. X’deċiżjonijiet politiċi qiegħda tieħu bil-għan li fir-reġjun jerġa’ jirrenja l-paċi.  M’hemm ebda dubju li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, li ilha żmien tipprova tistabbilixxi ruħha fil-qasam tal-politika internazzjonali, kienet waħda dgħajfa għall-aħħar. 

Quddiem din it-traġedja umana konna nistennew Unjoni Ewropea attiva. Unjoni Ewropea li tieħu rwol ċentrali. Taġixxi biex terġa’ tinħoloq l-istabbilità u tirrenja l-paċi.  Nistennew dan għax l-Unjoni Ewropea twaqqfet fuq it-tħaris għad-drittijiet tal-bniedem.  X’jiswa li jkollok id-drittijiet umani u l-bżonn li dawn jitħarsu u jkunu protetti, jekk quddiem kriżi kbira għal ma hi dik tal-kunflitt f’Gaża, kull ma tkun kapaċi tagħmlu hu reazzjoni dgħajfa.

Bla dubju l-mod kif aġixxiet l-Unjoni Ewropea kien falliment politiku u morali.  F’dan il-mument id-dinja, b’mod partikolari ir-reġjun tal-lvant nofsani kellu bżonn li l-Unjoni Ewropea ssemma’ leħinha b’qawwa.  Fejn hi l-medjazzjoni fil-kunflitt? Fejn huma s-soluzzjonijiet diplomatiċi? Minn dawn ma rajna xejn. Rajna biss dikjarazzjonijiet vagi. Dikjarazzjonijiet għal gallerija. Ma’ dawn imbagħad kien hemm dikjarazzjonijiet li taw appoġġ lil Iżrael, u li dawn ma kellhom l-ebda approvazzjoni u appoġġ minn diversi Stati membri. 

Dan il-kunflitt għal darba oħra kixef li fil-qasam internazzjonali għandha Unjoni Ewropea bla direzzjoni. Fejn huma s-sejħiet li suppost isiru f’kunflitt bħal dan – dak tal-waqfien mill-ġlied. Għaliex l-Unjoni Ewropea żammet lura milli titkellem fuq waqfien mill-ġlied.  Għaliex f’kunflitti oħra, l-Unjoni Ewropea ikkritikat u sew għamlet meta kien hemm ksur ta’ drittijiet umani, imma f’dan il-kunflitt adottat pożizzjoni dgħajfa?

Dan kien test ieħor għall-Unjoni Ewropea. Kellha l-opportunità li turi li verament li hi attur globali ewlieni.  Dan ma ntweriex. Ir-raġunijiet għal dan huma diversi. L-Unjoni Ewropea, wara t-Tieni Gwerra Dinjija inbniet fuq prinċipji sodi. Prinċipji li jħarsu d-drittijiet umani. Prinċipji favur il-paċi. Favur il-koperazzjoni. Quddiem reazzjoni dgħajfa, il-mistoqsija hi fejn spiċċaw dawn il-prinċipji? Fuq kollox lejn fejn tinsab sejra l-Unjoni Ewropea, imwaqqfa oriġinarjament biex ma jsirux aktar gwerer fl-Ewropa?  Qegħdin ngħidu dan għax kontinwament u b’mod aggressiv qegħdin nisimgħu dikjarazzjoni ma jaqtgħu xejn fuq il-bżonn li tiżdied in-nefqa fuq l-armamenti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here