Sunday, December 22, 2024

Celebrating Sport in Malta 2024

Aqra wkoll

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ għaxar snin ta’ xogħol iebes lejn l-isport u l-attività fiżika minn SportMalta, l-entità tal-Gvern għall-Isport, se tibda llum fir-Radisson Hotel Golden Bay b’konferenza ta’ tlett sessjonijiet ‘Celebrating Sport in Malta 2024’ li tiddiskuti diversi temi relatati direttament u indirettament mal-isport.

Se jkun forum għall-għalliema, kowċis u studenti, għalliema prospettivi, ġenituri tal-atleti u organizzazzjonijiet sportivi, mhux biss biex jisimgħu kelliema ta’ livell għoli iżda wkoll biex jiddiskutu u jaghtu suġġerimenti ghall-għaxar snin li ġejjin tal-entità.

Se jkunu diskussi diversi suġġetti matul is-sessjonijiet tal-lum u ta’ għada, li mill-attendenza numeruża turi l-interess taghkom ghal-isport ġewwa pajjiżna. Se jiġu diskussi l-benesseri mentali, l-istrateġija nazzjonali tal-edukazzjoni, żoni ħodor u miftuħa għall-attività fiżika fil-komunitajiet, appoġġ lill-atleti żgħażagħ, il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport u kampanji oħra, kif ukoll u l-istrateġija tas-sostenibbiltà u l-wirt ta’ avvenimenti ta’ livell għoli.

SportMalta stiednet lil diversi kelliema internazzjonali biex jaqsmu prattiċi tajba matul din il-konferenza. L-organzazzjoni tal-futbol Ewropew, il-UEFA, se jagħti preżentazzjoni dwar l-Euro 2024 li ġej. Olivier Gudet, maniġer tal-proġett tal-UEFA se juri kif avveniment importanti bħal dan jista’ jkun sostenibbli u jħalli wirt lill-pajjiż ospitanti. Il-World Rugby se tkun preżenti wkoll għall-konferenza b’żewġ kelliema li jiffokaw fuq it-tkabbir tal l-isport fl-iskejjel u fuq it-Tazza tad-Dinja tar-Rugby li saret tard is-sena l-oħra fi Franza. Jason Lewis, Direttur tal-parteċipazzjoni tal-World Rugby u Greg Woods, Maniger tal-Programm ta’ Parteċipazzjoni tal-World Rugby se jkollhom diversi interventi matul il-konferenza ta’ jumejn. SportMalta stiednet ukoll lil Barbara Brennan kelliema fuq is-saħħa mentali mill-Irlanda. Brennan hija wkoll speċjalista rigward is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol.

Se jkun hemm panel ta’ diskussjonijiet interessanti fejn rappreżentanti lokali jiddiskutu l-aħjar prattiki u jaqsmu ideat dwar suġġetti kontemporanji. F’din il-Konferenza se jieħdu sehem mistiedna li ġejjin minn partijiet differenti tas-soċjetà iżda li b’xi mod jew ieħor huma relatati mal-isport. Dawn gejjin mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Università ta’ Malta, SportMalta, AIMS, MCAST, Għaqdiet u korpi sportivi privati. Id-direttur tal-marketing u l-midja tal-Università ta’ Malta Pierre Cassar b’esperjenza vasta fil-qasam tal-isport kemm bħala ġurnalist kif ukoll bħala amministratur fi ħdan federazzjoni lokali se jkun il-moderatur tal-avveniment kollu.

Il-Konferenza tinfetaħ u tinghalaq mill-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima li se jippreżenta wkoll għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet sportivi għall-parteċipazzjoni internazzjonali fl-2024. Il-Ministru Grima se jippreżenta wkoll il-miri tal-gvern għas-snin li ġejjin fil-qasam tal-isport.

Ekonomija

Sport