Thursday, May 21, 2026

Ċelebrazzjoni tal-Proġett GLOBE Water Wise tirrikonoxxi d-dedikazzjoni tal-iskejjel Għawdxin

Aqra wkoll

Ġiet organizzata ċelebrazzjoni speċjali f’Villa Rundle nhar is-Sibt 9 ta’ Mejju biex tiġi mfakkra l-konklużjoni b’ suċċess tal-Proġett GLOBE Water Wise, li fih ħadu sehem disa’ skejjel minn madwar Għawdex.

Il-proġett kien ikkoordinat minn GLOBE Malta b’ kollaborazzjoni ma’ EUROPE DIRECT Gozo bl-għan li jippromwovi l-edukazzjoni STEAM permezz ta’ tagħlim prattiku u barra mill-klassi, b’ enfasi fuq l-ambjent u s-sostenibilità. Din is-sena t-tema kienet l-ilma, riżorsa prezzjuża u skarsa fil-gżejjer Maltin.

Matul l-avveniment ġew ippreżentati l-iSTEAM and Sustainability Awards lill-iskejjel li pparteċipaw. Il-premju jieħu l-forma ta’ trofew b’ forma ta’ Għawdex, li jinkludi badges li jirrappreżentaw it-temi tal-proġetti GLOBE. Kull sena, skola li tipparteċipa u tlesti proġett ġdid iżżid badge ieħor mat-trofew tagħha, bħala simbolu ta’ impenn fit-tul u konsistenza fl-edukazzjoni STEAM.

It-trofew ġie iddisinjat minn Ramona Mercieca, Deput Koordinatrici ta’ GLOBE Malta, u ġie sponsorjat minn EUROPE DIRECT Gozo. Din is-sena kienet ir-raba’ sena konsekuttiva ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet.

Iċ-ċertifikati u l-premjijiet ġew ippreżentati minn Ms Maria Elena Despott, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.

Ramona Mercieca tikkoordina l-proġetti GLOBE f’Malta, tħarreġ lill-għalliema u lill-istudenti, u tappoġġjahom matul is-sena skolastika kollha. Matul is-snin ġew studjati temi bħal kwalità tal-arja, il-ħamrija, pollinaturi u l-bijodiversità, u din is-sena l-ilma.

Wara ċ-ċerimonja, il-parteċipanti setgħu jżuru l-GLOBE stall, fejn Ms Mercieca spjegat l għanijiet tal-Programm GLOBE bħala programm ta’ citizen science fuq livell internazzjonali. Il-posters u r-ritratti fuq il-post urew ix-xogħol ambjentali li qed isir fl-iskejjel ta’ Għawdex.

Ringrazzjamenti speċjali ngħataw ukoll lil Jesmond Buttigieg, Manager ta’ EUROPE DIRECT Gozo, u lil Daniel Borg, CEO tal-Gozo Business Chamber, għall-appoġġ u s-sapport kontinwu tagħhom lejn GLOBE Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport