Minn Cristian Muscat
Wara li laħaq il-marka prestiġjuża ta’ 100 gowl fil-Yo Health Malta Premier f’Jannar li għadda u kien ivvutat bħala l-LifeStar Insurance MVP ta’ April, l-attakkant Taljan ta’ Zabbar St Patrick Mario Fontanella fetaħ qalbu dwar l-esperjenza tiegħu f’Malta, l-istaġun memorabbli u l-emozzjonijiet li ġab miegħu l-aħħar xhur speċjalment dak li seħħ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet bil-play-off decider kontra Tarxien Rainbows.
Fontanella, li twieled f’Napli u għandu karriera twila fl-Italja u barra minnha, bħalissa qed jilgħab ma’ Zabbar St. Patrick u sar figura ċentrali fil-mixja tagħhom biex iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni.
“Meta ġejt Malta għall-ewwel darba, kont naf li l-futbol hawn hu kompetittiv, imma ma kontx nistenna kemm ser inħossni parti minn komunità magħquda bħalma hi dik ta’ Żabbar,” jibda jgħid Fontanella. “F’Żabbar sibt familja. Mhux biss tim, imma nies li verament jimpurtahom minnek.”
Il-marka ta’ 100 gowl fil-kampjonat Malti hija waħda simbolika għal kwalunkwe attakkant. Għal Fontanella, dan huwa riżultat ta’ snin ta’ xogħol.
“Din mhix biss statistika. Hija storja ta’ ħafna snin, ħafna klabbs u ħafna sagrifiċċji,” jgħid hu. “Meta tilħaq 100 gowl, ikun ifisser li int konsistenti u dejjem tajt kollox għal kull tim li lgħabt miegħu.”
L-attakkant ta’ 36 sena diġà lagħab ma’ klabbs bħal Valletta u Floriana, fejn kellu perjodi ta’ suċċess kbir, iżda jinsisti li kull kapitlu kien differenti.
“Malta tatni ħafna. Kull klabb kellu l-istorja tiegħu, imma Żabbar għamluni nerġa’ nħossni motivat bħal meta kont iżgħar fl-eta’.”
Il-forma tiegħu f’April kienet straordinarja, fejn skorja sitt gowls f’ħames logħbiet, inkluż doppjetti kontra Tarxien Rainbows u Hibernians. Dan wasslu biex jiġi rikonoxxut bħala l-LifeStar Insurance MVP tax-xahar.
“Meta tirbaħ premju bħal dan, mhux biss tifraħ int, imma taħseb fit-tim kollu,” jgħid Fontanella. “Il-gowls jiġu minn xogħol kollettiv. Jien biss inlesti l-azzjoni permezz tal-gowls li niskorja.”
Iżda l-istaġun ma kienx biss dwar mumenti pożittivi. Żabbar kienu involuti f’battalja diretta għas-salvazzjoni, li spiċċat b’rebħa kruċjali kontra Tarxien Rainbows wara ħin barrani u penalty ta’ Fontanella.
“Dik il-logħba kienet bħal finali,” ifakkar. “Kien hemm pressjoni kbira, iżda bħala tim aħna dejjem emminna li nistgħu nżommu postna.”
Dan ir-riżultat kien ħafna aktar minn rebħa f’logħba waħda, peress li kkonferma uffiċjalment li Żabbar St. Patrick se jibqgħu jilagħbu fl-ogħla kampjonat Malti għall-istaġun li jmiss. Wara staġun mimli sfidi, pressjoni u mumenti ta’ inċertezza, il-klabb laħaq l-għan ewlieni tiegħu xi ħaġa li kienet tkun diżappunt li kieku ma waslitx.
Għal Zabbar, din is-salvazzjoni tirrappreżenta pass importanti fil-proċess ta’ tkabbir tagħhom bħala tim kompetittiv fil-Premier. Il-plejers wrew determinazzjoni u karattru, speċjalment f’logħbiet deċiżivi bħal din id-decider kontra Tarxien Rainbows.
Parti kbira mis-suċċess tista’ tiġi attribwita lill-għaqda u l-mentalità tal-iskwadra f’mumenti kruċjali.
Anke meta r-riżultati ma kinux favurihom fil-bidu tal-istaġun, it-tim baqa’ jemmen li jista’ jdawwar is-sitwazzjoni. Ir-rebħa wara l-ħin barrani kienet simbolu ta’ dan kollu, fejn Żabbar kienu aktar kalmi u effiċjenti meta l-pressjoni ta’ Tarxien kienet kostanti tul l-ewwel 90 minuta qabel il-ħin barrani.
Il-coaching staff ukoll kellu rwol importanti biex iżomm il-bilanċ u l-istabbiltà fil-grupp. Il-mod kif il-plejers ġew imħeġġa jibqgħu ffukati, anke taħt pressjoni kbira, għamel differenza ċara fil-mument deċiżiv tal-istaġun.
Minn perspettiva tal-klabb, il-fatt li baqgħu fil-Premier League tfisser ukoll kontinwità u opportunitajiet akbar għall-futur, inkluż kompetizzjoni ta’ livell ogħla, żvilupp ta’ plejers żgħażagħ, u aktar viżibilità fil-futbol Malti.
L-emozzjonijiet wara s-suffara finali kienu evidenti għax kien ifisser serħan il-moħħ, ferħ u sodisfazzjon għal kull min hu involut mal-klabb. Din kienet rebħa li mhux biss żammet posthom, iżda tat ukoll sinjal ċar li Zabbar St. Patrick jistgħu jkomplu jibnu fuq dan il-progress.
Il-ħarsa issa ddur lejn il-futur, fejn l-isfida se tkun li jtejbu l-konsistenza u jevitaw battalji ta’ relegazzjoni simili fis-snin li ġejjin.
Fontanella ma jonqosx milli jisħaq fuq l-importanza tal-ambjent fil-klabb.
“Dak li għamel differenza kien l-ispirtu tal-grupp li kien magħmul minn żgħażagħ u plejers ta’ esperjenza, kulħadd flimkien għal għan wieħed. Il-partitarji wkoll kienu inkredibbli għax anke meta l-affarijiet ma kinux sejrin tajjeb, baqgħu warajna.”
Huwa jiddeskrivi lill-klabb bħala wieħed mibni fuq valuri ta’ għaqda.
“Meta tgħaddi minn logħob diffiċli u tara lill-istess nies jappoġġjawk, tifhem xi tfisser tilgħab għal Żabbar.”
Il-karriera ta’ Fontanella bdiet fil-belt ta’ Napli, fejn għadda mill-akkademja tagħhom qabel ma għamel triqtu f’diversi kampjonati Taljani u barra minnha. Kif għedna, hu lagħab ma’ diversi klabbs fosthom Valletta u Floriana, fejn ħalla impatt qawwi fil-futbol Malti.
Fl-aħħar snin ukoll kellu esperjenzi fil-Lvant Nofsani, iżda dejjem irritorna Malta.
“Malta saret parti minn ħajti. Mhux biss futbol, imma stil ta’ ħajja,” jgħid hu. “Hawnhekk inħossni apprezzat.”
Minkejja l-età tiegħu, Fontanella jħares lejn il-futur b’ottimiżmu.
“Jien għadni nħossni tajjeb. Sakemm inkun nista’ ngħin lit-tim u nkun kompetittiv, se nibqa’ nilgħab,” jgħid bi tbissima.
Huwa jtemm b’messaġġ lill-partitarji ta’ Zabbar:
“Din kienet sena diffiċli imma sabiħa. Grazzi lil kull min appoġġjana. Mingħajrkom ma konniex naslu. Aħna familja waħda u l-familja tibqa’ flimkien.”


