Sunday, December 22, 2024

ĊENSURA U LIBERTÀ

Aqra wkoll

M’hemmx dubju li aħna sirna kważi kollha kontra ċ-ċensura. Nistqarruha b’wiċċna minn quddiem, għax aħna lkoll favur il-libertà tal-espressjoni.

Biss imbagħad, fejn hemm il-bżonn, irridu nuru ċerta riżerva. Trid tpoġġi kollox f’kuntest, inkella kif tista’ tiġġudika, le?

Frankament diffiċli tifhem fejn jidħol il-ġudizzju fil-biċċa. Jew dak li qed tiddefendi japplika għal kollox, jew ma japplika għal xejn. 

Allura se tippermetti lil min qed iħeġġeġ għall-qtil tal-proxxmu, biex jibqa’ jgħid tiegħu bla ma jinżamm?

Limiti li ddaħħlu bil-qbil ta’ kulħadd huma għalhekk fuq diskors li jippromwovi l-mibegħda jew l-anti-semitiżmu (għalkemm ma jidhirx li l-istess ħaġa ddaħħlet għal min jippriedka l-mibegħda lejn l-Għarab).

Jidher li jissemma limitu ieħor fuq l-interdett taċ-ċensura: Min fl-imgħoddi kien ħati ta’ ċensura fuq ħaddieħor, għandu jkun soġġett għal ċensura?

Issib min jgħidlek: Dażgur!

***

XJENZA

Ftit tal-ġimgħat ilu, waqt il-kampanja elettorali, l-għaqda tas-sidien jidhrili, ħarġet bil-proposta li fl-istrutturi edukattivi għandha tingħata ħafna aktar importanza lit-tagħlim matematiku, xjentifiku u tekniku. Mhux dejjem qbilt mal-proposti ta’ din l-għaqda imma dwar hekk żgur li qbilt.

Stagħġibt meta imbagħad ħarġu edukaturi, j’alla mhux ukoll mill-Università jipprotestaw kontra dir-rakkomandazzjoni. Qiesu li kienet qed tħeġġeġ l-abbandun ta’ edukazzjoni “liberali” li tinkoraġġixxi l-ħsieb kritiku biex minflok l-istudenti jikkonċentraw fuq studji “utli” għal min se jimpjegahom aktar ’il-quddiem.

Ma nistax nifhem kif kuxjenza xjentifika tista’ titqies bħala waħda li hi mbiegħda mill-ħsieb kritiku. Prinċipju ewlieni fl-għerf xjentifiku jafferma kif dak li qed jiġi sostnut jibqa’ aċċettabbli biss, sakemm ma jisfax imgiddeb mill-fatti. Ma nafx kemm tista’ tkun kritiku aktar minn hekk dwar ir-realtà li ddawwarna.

***

SERVIZZI TAS-SAĦĦA B’XEJN?

Kemm hu minnu li għandna servizzi tas-saħħa b’xejn?

Ħabib (konsulent, illum mejjet) kien jgħidli: Is-servizzi tas-saħħa tagħna jkunu tassew b’xejn meta l-konsulenti u l-ispeċjalisti jaħdmu mal-gvern fulltime bla ma jkollhom prattika privata. Sakemm nibqgħu hekk, ħafna jibqgħu jinqdew għall-bżonnijiet mediċi tagħhom f’parti b’xejn fl-interventi li jagħmlu fis-sistema tal-gvern, u l-oħra bi ħlas fil-konsulti privati. U ta’ spiss jiġri li jkun l-istess konsulent li jittrattak fil-privat u fl-isptar tal-gvern.

Biex il-gvern jista’ jipprovdi servizzi tassew b’xejn, kien ikompli jgħidli, irid iħallas lill-konsulenti u speċjalisti tiegħu li jimpjega fulltime, daqskemm dawn jistgħu jaqilgħu bil-prattika privata. Sa issa, l-ebda gvern ma sab kif se jagħmel hekk, għax iqajjem kontrih ir-rabja ta’ ħaddiema oħra mal-gvern.

U allura nkomplu b’sistema pari passu. Waqt li niftaħru kif is-servizzi tas-saħħa huma b’xejn għal kulħadd, nafu wkoll li f’ħafna każi mhux hekk.

Ekonomija

Sport