Sunday, December 22, 2024

Ċerimonja tal-Għeluq denja li ġabet fit-tmiemhom l-Olimpjadi 2024

Aqra wkoll

Stilel tal-isport, ikoni popolari u l-mużika ngħaqdu flimkien fiċ-ċerimonja tal-għeluq ta’ Pariġi 2024 biex it-33 Logħob Olimpiku ġew dikjarati magħluqa.

L-attur Tom Cruise niżel mis-saqaf ta’ Stade de France biex jiġbor il-bandiera Olimpika bħala parti mill-konsenja lill-belt Amerikana ta’ Los Angeles, li se tos­pita l-Logħob li jmiss fl-2028, qabel telaq fuq mutur.

Red Hot Chili Peppers, Billie Eilish, Snoop Dogg u Dr Dre imbagħad taw prestazzjoni impekkabbli fuq il-Bajja ta’ Venice bħala parti minn mużika mimlija stilel biex tikkonkludi ċ-ċerimonja.

Fid-diskors tal-għeluq tiegħu, il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) Thomas Bach irrifletta fuq Logħob “sensazzjonali”.

Bach, li se jwarrab mill-presidenza tal-KOI fl-2025, qal li Pariġi 2024 kienet “sensazzjonali, jew niddejjaq ngħid, ‘Seine-satio­nal’” – logħob ta’ kliem li jirreferi għax-xmara li tgħaddi mill-belt ospitanti.

Huwa żied jgħid li kienu “Logħob Olimpiku ta’ era ġdida” bħala l-ewwel “imwassla kompletament taħt ir-riformi tal-aġenda Olimpika tagħna: iżgħar, aktar urbani, aktar inklużivi, aktar sostenibbli u l-ewwel Logħob Olimpiku b’parità sħiħa bejn is-sessi”.

Il-Ġermaniż faħħar lill-atleti għall-prestazzjonijiet “sempliċement aqwa” tagħhom, u sostna li wrew “x’kobor aħna l-bnedmin kapaċi nagħmlu”.

“Matul dan iż-żmien kollu, aħna għexna flimkien fil-paċi taħt saqaf wieħed fil-Villaġġ Olimpiku. Inħaddnu lil xulxin. Irrispettajna lil xulxin, anke jekk il-pajjiżi tagħkom huma maqsumin bil-gwerra u l-kunflitti. Ħloqtu kultura ta’ paċi.

“Dan ispira lilna lkoll u biljuni ta’ nies madwar id-dinja. Grazzi talli stajna noħolmu fil-paċi.  Grazzi talli stajna nemmnu f’dinja aħjar għal kulħadd.

“Nafu li l-Logħob Olimpiku ma jistax joħloq il-paċi. Imma l-Logħob Olimpiku jista’ joħloq kultura ta’ paċi li tispira lid-dinja. Huwa għalhekk li nappella lil kull min jaqsam dan l-ispirtu    Olimpiku: ejjew ngħixu din il- kultura ta’ paċi kuljum,“ temm jgħid Bach.

Il-president kellu wkoll kliem ta’  tifħir speċjali għall-45,000 voluntier li għenu waqt il-Logħob, li beda b’ċerimonja tal-ftuħ taħt xita kontiwna tul is-Seine fis-26 ta’ Lulju.

Il-judoka Maltija, Katryna Esposito, ġarret il-bandiera Maltija f’din iċ-Ċerimonja tal-Għeluq.

Ekonomija

Sport