“Chantalle kienet taf x’jiġifieri l-imħabba u għexet l-imħabba”. Dan kien il-kliem li spikka waqt l-omelija minn Fr Charles Mallia O Carm, li huwa qarib tal-istess familja ta’ Chantalle fil-funeral. Chantalle Gauci mietet f’inċident fatali nhar il-Ħamis li għadda f’San Ġiljan proprju lejlet Jum id-Duluri. Il-funeral sar fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan li kienet ippakkjata bin-nies.
Fl-omelija Fr Charles Mallia qal li kemm hu u bosta oħrajn ma setgħux jifhmu din il-mewta u bħala umani saqsew għaliex.

Oħrajn emmnu li dan kien id-destin imma Fr Charles Mallia stqarr li hekk kif proprju nhar il-Ħadd li ġej se nkunu qed niċċelebraw l-Għid il-Kbir aħna nemmnu li Chantalle tinsab viċin il-Mulej. Huwa kompla li din il-ġrajja tfakkarna li l-mewt m’għandhiex l-aħħar kelma għax Kristu ħareġ rebbieħ fuq il-mewt u għalhekk anke aħna nemmnu li l-mewt m’għandhiex tkun l-aħħar kelma, għax wara din il-ħajja hemm ħajja aħjar.
Huwa silet kliem mill-Ktieb tal-Għerf li proprju kien l-Ewwel Qari waqt dan il-funeral li: “Il-bniedem ġust mimli mħabba imqar jekk imut żgħir ikun fil-mistrieħ”, u dan il-kliem jgħodd perfettament għal Chantalle li mietet f’età relattivament żgħira ta’ 38 sena.