Monday, July 15, 2024

Chris Fearne

Aqra wkoll

Chris Fearne barra li kien politiku tajjeb kien wieħed mill-aħjar Ministri tas-Saħħa li qatt kellha Malta u fl-opinjoni tiegħi kien l-aħjar Ministru tas-Saħħa dawn l-aħħar 40 sena. Din l-opinjoni hi bbażata fuq dawk l-affarijiet li għamel fis-Settur tas-Saħħa biex mhux biss jaqdi lill-pazjenti ħafna aktar malajr minn qabel, imma tejjeb b’mod li qatt ma konna noħolmu bih il-kwalita’ tas-servizz. Tant mexxa tajjeb li l-WHO għarfu dan.

Chris Fearne kien akkużat b’korruzzjoni ftit qabel l-elezzjoni tal-Membri Parlamentari. Hemm ħafna affarijiet li jiskantawk fuq din il-kwistjoni. Sew f’Malta u sew f’Brussels, li Chis Fearne ser jiffaċċja akkużi, kienet diġa’ ħarġet qabel ma ġie akkużat. Dan ifisser li diġa’ kien hemm leaks. Fil-Politico f’Mejju ġie rrappurtat li Membri Parlamentari Ewropej ressqu dawn il-leaks lill-awtoritajiet Ewropej. Biss ħadd ma semma min kienu. Stramba li tkun taf b’leak u ma tgħidx min tahilek.

Minn fejn ġew dawn il-leaks? Din ma kinitx l-ewwel leak. Dawn il-leaks ilhom għaddejjin snin sħaħ u safejn naf jien ħadd għadu ma ġie akkużat bihom. Għalija din hi stramba għaliex dawn il-leaks probabbilment ġejjin jew mill-Qorti, jew mill-Pulizija jew mill-awtorita’ li tiddeċiedi jekk hemmx biżżejjed provi li jimxu l-proċeduri. Dawn huma sorsi fejn, għalija, il-kunfidenzjalita’ hi importantissima. Allura għaliex ma sarux investigazzjonijiet? Sar tibdil fil-proċeduri biex dawn il-leaks ma jibqgħux għaddejjin? Jew dawn l-affarijiet huma biss serji u jittieħdu passi biss jekk isiru minn xi ħadd li ma tantx hu importanti, bħal ħaddiem?

Tal-iskantament hu li wara li għaddiet l-elezzjoni, issa sar magħruf li kien hemm leak li dak il-ħmieġ li ħammeġ sew fuq Fearne u anki fuq Malta, kien iffinanzjat minn Steward Health Care. Biss għadu ma ssemmiex min mexxa dan il-ħmieġ li ntefha fuq Chris Fearne.

Mhux hekk biss, imma s’issa jien għadni ma rajtx li dak il-ħmieġ li ntefha fuq Chris Fearne u fuq Malta bi ħlas, s’issa għadu ma nxteridx fi Brussels bħal ma kien inxtered il-ħmieġ. Tgħid għaliex?!

Ħadd għadu ma semma min mexxa dan il-ħmieġ li tista’ tgħid irrovina sew lil Chris Fearne u indirettament lill-pazjenti Maltin. Għaliex dawn in-nies ma ssemmewx? Tgħid għax min kien involut ġej minn sezzjoni politika li f’Malta hi ‘l fuq mil-Liġi? Żgur mhux Laburisti għaliex dawn mhux biss jitressqu l-qorti mal-ewwel, imma jiġu mxandra mal-ewwel fil-gazzetti.

L-indafa

L-indafa f’Malta dejjem kienet problema u għadha problema sal-lum. Dawn l-aħħar snin, il-gvern kabbar ir-rwol tiegħu biex inaqqas il-ħmieġ f’żoni pubbliċi. Dan l-aħħar ir-rwol li qed jassumi l-gvern kibret u dan qed narawh mill-apparat li nxtara u t-tmexxija tas-Segretarju Parlamentari Glen Bedingfield u anki d-Direttur Ġenerali Ramon Deguara li hemm f’din is-sezzjoni.

Dan il-ħmieġ mhux qed jaqa’ mis-sema imma ġej min-naħa tal-pubbliku. Per eżempju, wara kull festa li qed issir, din is-sezzjoni jkollha tqatta’ lejl tiġbor iż-żibel mit-toroq. Dan iż-żibel la jaqa’ mis-sema, la jaqa’ mill-purċissjonijiet u lanqas mill-baned. Ġej min-nies. Jien nemmen li dan ġej għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, ftit nies jirrealizzaw li huma għandhom responsabbilta’ li jaġixxu b’mod li ma jħammġux. Hi parti mill-kultura tagħna li din ir-responsabbilta’, bħal ħafna responsabbiltajiet oħra, nfarfruhom minn fuq spallejna u nitfgħuhom fuq il-gvern.

Raġuni oħra hi li din ir-responsabbilta’ tal-indafa lanqas qed jerfgħuha n-negozji li qed ibigħu l-prodotti li minnhom jispiċċa l-ħmieġ. Għadni niftakar l-aħħar ċelebrazzjoni li saret tal-festa ta’ San Patrizju tal-Irlanda li saret San Ġiljan. Wara li spiċċat il-festa, il-ħaddiema tal-Ministeru tal-Indafa Pubblika kienu ġabru ma nafx kemm-il tunnellata żibel fit-toroq pubbliċi. Jien nifhem li meta tkun ser ssir xi festa jew ċelebrazzjoni pubblika, għandu jsir arranġament sew mill-organizzaturi tal-festa u sew mill-kummerċjanti biex jipprovdu ammont tajjeb ta’ bins biex il-pubbliku jista’ jitfa’ ż-żibel tiegħu. Barra l-bins il-kummercjant jew organizzatur għandu jipprovdi wkoll boroż fil-bins biex dawn jitbattlu minn ħin għall-ieħor.

Dan mhux biżżejjed, għaliex problema oħra hi l-boroż fejn qed nitfgħu ż-żibel fid-djar tagħna biex ħafna minnu jiġi reġenerat. Nifhem li ħafna mid-djar tagħna meta ġew ippjanati qatt ma tqies fejn nistgħu npoġġu ż-żibel sakemm jinġabar. Imma min-naħa l-oħra ma nistax nifhem għaliex għadu ma sar l-ebda regolament biex bini ta’ flats, speċjalment dawk il-kbar, ikollhom post fejn jista’ jintefgħu dawn il-boroż sakemm jinġabru. Din mhix xi ħaġa ġdida fid-dinja, għaliex bħal ma kont diġa’ semmejt, għadni niftakar li fil-bidu tas-sebgħinijiet fl-Ingilterra diġa’ kien hemm dawn ir-regolamenti.

Għal dawk id-djar li diġà nbew, il-Kunsilli għandhom isibu post fejn in-nies għandhom ipoġġu dawn il-boroż sakemm jinġabru.

Jekk l-Awtoritajiet responsabbli jagħmlu dawn iż-żewġ regolamenti mhux biss intejbu l-ambjent lokali imma nkunu nistgħu nimxu sew fuq il-bankini tagħna. Ma rridux ninsew li preżentament, minħabba li ħafna mill-bankini huma dojoq u l-boroż qed jitpoġġew fuqhom, ħafna drabi filgħodu, jkollok timxi fit-triq u mhux fuq il-bankina minħabba l-boroż li jkunu għadhom ma nġabrux.

L-aħħar mistoqsija

Tajjeb li nħarsu lejn il-mera u nistaqsu lilna nfusna, X’għamilna din l-aħħar sena biex intejbu l-‘insulation’ tad-djar tagħna biex ħafna mis-sħana la tkun tista’ tidħol fis-sajf u lanqas toħroġ fix-xitwa mid-djar tagħna? Ma ninsewx li hemm probabbilta’ kbira li dalwaqt nerġgħu niffaċċjaw perjodu mhux ħażin ta’ sħana għolja.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport