Saturday, December 21, 2024

Christian ‘Ċoqqos’ Schembri jikseb il-21 rebħa minn 30 taqbida fil-karriera tiegħu

Aqra wkoll

Nhar l-20 ta’ Novembru il-boxer ewlieni Malti Christian ‘Ċoqqos’ Schembri wettaq it-30 ġlieda professjonali tiegħu u kiseb il-21 rebħa fl-karriera tal-boxing professjonali tiegħu. 

Din kienet it-tielet kompetizzjoni tiegħu din is-sena, fejn avolja d-dinja għadha qed tħoss l-effetti tal-pandemija, huwa xorta baqa’ għaddej bit-taħriġ tiegu, allura dejjem kien lest li jikkompeti. 

Wara l-aħħar rebħa li kellu f’Awwissu kontra l-Pollakk Mariusz Biskupski, huwa baqa’ għaddej bit-taħriġ tiegħu mal-kowċ tiegħu Steve Martin u bl-għajnuna ta’ missieru Martin Schembri. B’hekk, il-preparamenti kienu ferm kalmi, għax iċ-Ċoqqos baqa’ fir-ritmu tal-boxing u f’forma fiżika tajba. L-uniku intopp inqala’ għaxart ijiem qabel it-taqbida, fejn minn avversarju itwal minnu u lemini, minħabba restrizzjonijiet relatati mal-Covid, kellu jinbidel ma’ wieħed iqsar minnu u xellugi, totalment il-kontra ta’ dak li pprepara għalih. Huwa ma qatax qalbu, u l-aħħar sitt ijiem għamilhom jittrenja ma’ nies xellugin biss biex jidra l-istrateġija li kellu bżonn għat-taqbida. 

L-avversarju tiegħu kien il-Ġorġjan Mareb Turkadze, boxer ta’ esperjenza li rraprezenta lil pajjiżu fil-Logħob Olimpiku tal- 2012, u kellu still li ma tantx u favur taċ-Ċoqqos, fejn il-ħin kollu jiċċaqlaq u rari jidħol u jiġġieled mil-qrib. 

Iċ-Ċoqqos iżda wera teknika u stil li qatt ma kien uża qabel f’taqbida, fejn kien kalm u paċenzjuż, isegwi lill-avversarju tiegħu madwar ir-ring u fil-maġġoranza tal-ħin jagħmel finet u mossi biex iġiegħel lill-avversarju jattakka, jaħrablu  l-attakk u jikkontrattakkah hu. 

It-taqbida bdiet b’ritmu kalm u l-ewwel tliet rounds segwew l-istess tema, biż-żewġ boxers jużaw boxing intelliġenti u jippruvaw iwaqqgħu lil xulxin fi trappoli, b’ebda boxer ma jħalli impressjoni kbira, avolja iċ-Ċoqqos kien qed jidher li qiegħed jikkontrolla it-taqbida. Fir-raba’ round imma ċ-Ċoqqos għolla l-aggressivitá tiegħu u beda jolqot b’iktar daqqiet u jaqbad lill-avversarju tiegħu iktar mal-ħbula. Fil-ħames rpund huwa wera s-superjoritá tiegħu fejn wara li ressaq lill-avversarju mal-ħbula, laqtu bi cross u jab wara xulxin u waqqa’ lill-avversarju mal-art. 

Wara dan il-mument, Turkadze irkupra imma kien ħafna iktar difensiv u beda jitfa’ inqas daqqiet minn qabel u jiffoka iktar fuq movimenti difensivi biex jaħrab id-daqqiet taċ-Ċoqqos u jinnegah milli jkompli jattakka. 

It-taqbida spiċċat u wara t-tmien round iċ-Ċoqqos kien ir-rebbieħ fuq il-karti tal-ġudikanti kollha, u b’hekk rebaħ il-21 taqbida tiegħu minn total ta’ 30 taqbida. 

Huwa temm billi jgħid li din kienet l-aħħar taqbida għall-2021 u ser jirritorna fl-azzjoni fil-bidu tal-2022. 

Irringrazzja wkoll lill-familja tiegħu u lill-partirarji, li bis-sostenn tagħhom ix-shows dejjem ikunu ta’ suċċess. 

Irringrazzja wkoll lill-isponsors tiegħu Fort Fitness, Virgata Holdings, www.mrcasinova.com, EHL Tool Hire, Printart u Starbee Takewhey tas-sapport kontinwu tagħhom fil-karriera tiegħu, fejn qal li l-għajnuna taghhom twassal biex hu jkun jista’ jiffoka u jipprepara ruħu mija fil-mija fuq il-karriera tiegħu.

Min jixtieq ikompli jsegwi liċ-Ċoqqos jista’ jagħmel hekk fuq il-media soċjali tiegħu: Instagram – @coqqos_christian u Facebook – https://www.facebook.com/cschembri.

Ekonomija

Sport