Il-Kanonku Ġorg Spiteri appella lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom id-delizzju tal-baħar biex ma jieħdu xejn ‘foregranted’ għax tista’ tiswilhom ħajjithom.
Huwa għamel dan l-appell f’omelija waqt il-funeral ta’ Christian Degabriele li sar aktar kmieni dalgħodu fil-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun. Christian tilef ħajtu l-Ġimgħa li għadda f’inċident waqt li kien qed jipprattika d-delizzju li tant kien għal qalbu, dak tal-għadis.

Il-Kanonku ddeskriva lil Christian bħala bniedem determinat, ta’ responsabbiltà u li ma jaqtax qalbu. Qal li kont tarah dejjem bi tbissima u ssibu lest biex jgħin lil ħaddieħor. “Kien bniedem enerġetiku. Kien jagħmel xogħlu b’mod tajjeb, b’diliġenza u attenzjoni kbira. Dan jistgħu jixhduh sħabu s-suldati.”

Spiteri kompla jgħid li d-delizzju tal-baħar huwa sabiħ ħafna imma wkoll jista’ jkun ta’ periklu. “Nafu biżżejjed kemm nies niżlu taħt l-ilma u ma telgħux, hekk kif ġralu l-għażiż Christian.”
Huwa qal li Christian kien iħobb jogħdos u jgħum biex jaqbad il-ħut. Qal li kien dan id-delizzju li sfortunatament ħasadlu ħajtu fuq din l-art minħabba negliġenza ta’ ħaddieħor li baqa’ sejjer.

Spiteri lmenta wkoll għal aktar attenzjoni billi s-sigurtà kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar naqset. Għalhekk appella biex dawk kollha li għandhom id-delizzju tal-baħar għal qalbhom, jibqgħu jkunu viġilanti u jieħdu kull prekawzjoni possibbli.