Friday, December 13, 2024

Ċikliżmu: Dan Bonello jirbaħ is-26 edizzjoni tat-Tour ta’ Malta

Aqra wkoll

Il-Malti/Awstraljan, Dan Bonello, tat-Team Oleka rebaħ is-26 edizzjoni tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta taċ-Ċikliżmu. 

Huwa rreġistra ħin totali ta’ 4:34:13. Fit-tieni post spiċċa l-Franċiż, Antoine Ma­gaud, ta’ Sprinter Nice Metropole – France f’ħin totali ta’ 4:34:23, segwit mill-Isvizzeru, Johannes Glameyer, ta’ Amore e Vita – KI­BAG-Obor f’ħin totali ta’  4:35:27.

L-Ingliża Mathilde Pauls ta’ 1904RT li kienet rebħet il-kategorija tan-Nisa fl-2018, spiċċat ukoll rebbieħa din is-sena meta temmet b’ħin totali ta’ 3:48:11. It-tieni spiċċat il-Maltija, Marie Claire Aquilina, tat-Team Greens f’ħin totali ta’ 3:50:11, filwaqt li Gabriella Nordin tat-Team Jadan spiċċat it-tielet f’ħin totali ta’ 3:51:09.

L-Ingliż Dave Mitchinson ta’ Cinnamon Café Contour Cycles Drunk Race Team – UK rebaħ il-kategorija tal-Masters f’ħin totali ta’ 3:30:03. Etienne Bonello – Team Greens (3:30:13) u Martin Lawless – Cycle Club Ashwell – UK (3:30:42) spiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament.

Il-klassifika finali tal-Maltin spiċċat b’Dan Bonello l-ewwel segwit minn Jacob Schembri (Mosta CC) u Jason Vella (Agones SFc). F’dik tan-Nisa, fl-ewwel tliet postijiet daħlu ċ-ċiklisti tat-Team Greens, Marie Claire Aquilina, Danica Bonello Spiteri u Juleanne Vassallo.

Anke fil-klassifika Finali tal-Masters Maltin, it-tliet ċiklisti tat-Team Greens spiċċaw fl-ewwel tliet postijiet, Etienne Bonello, Nick Schembri u Reuben Colombo.

It-tielet u l-aħħar stadju tat-Tour fuq distanza ta’ 63.3 kilometru fuq iċ-ċirkwit tal-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ rat jirbaħ il-Kategorija tal-Elite lill-Isvizzeru Robert Mueller ta’ Amore e Vita – KIBAG-Obor f’ħin ta’ 1:39:11 fi sprint finali bejn tliet ciklisti. Frazzjoni ta’ sekonda warajh spiċċaw Dan Bonello u Antoine Magaud (1:39:12).

Il-kategorija tan-Nisa wkoll fuq distanza ta’ 43 kilometru ntrebħet għal darb’oħra minn Mathilde Pauls ta’ 1904RT f’ħin ta’ 1:36:40 fi sprint finali bl-istess ħin ma’ Ellie Mitchinson ta’ Welwyn Wheelers Coubtry – UK, filwaqt li t-tielet spiċċat Jennifer Andrews ta’ 1904RT – UK f’ħin ta’ 1:36:41.

Fil-kategorija tal-Masters, fuq distanza ta’ 43 kilometru, Dave Mitchinson ta’ Cinnamon Café Contour Cycles Drunk Race Team – UK, reġa’ ħareġ rebbieħ din id-darba f’ħin ta’ 1:27:36, fi sprint finali bl-istess ħin ma’ Etienne Bonello tat-Team Greens, filwaqt li Jose Soler ta’ Cinnamon Cafe-Oriel Finance SDRT – UK spiċċa t-tielet f’ħin ta’ 1:27:36.

Fi tmiem din it-tappa saret l-premjazzjoni  tal-midalji, trofej u l-flokkijiet il-ħomor lir-rebbieħa kollha mill-amministraturi tal- Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, John Zammit (president), Joe Bajada (segretarju ġenerali) u Daniel Borg Olivier (teżorier).

Fl-aħħar, is-Sur Bajada ppreżenta l-’Cliff Micallef Trophy’ lil Leon Zammit għas-       sehem konstanti tiegħu waqt it-Tour, kif ukoll il-Merit Award lil John Zammit, il-moħħ ta’ dan it-Tour għal ħafna snin.

Il-Kumitat Organizzattiv tat-Tour jixtieq jirringrazza lil diversi entitajiet fosthom lil SportMalta, Kumitat Olimpiku Malti, Kunsilli Lokali rispettivi tan-Naxxar, San Pawl il-Baħar u Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll lil Transport Malta, Korp tal-Pulizija, Gwardjani Lokali, ARRTS Timing System, u l-Palazzin Hotel għall-għajnuna u s-sapport bla waq­fien tagħhom. 

Ekonomija

Sport