Thursday, April 18, 2024

Snooker: O’Sullivan, Selby u Zhao fl-Aħħar 16 tal-Kampjonat tad-Dinja

Aqra wkoll

Mark Selby, Zhou Xintong u Ronnie O’Sullivan huma l-ewwel tliet players li ssuperaw l-ewwel round tal-Kampjonat tad- Dinja tas-snooker f’dik l-ordni.

Selby faħħar l-akkoljenza tremenda li rċieva mill-folla tal-Crucible hekk kif beda d-difiża tat-titlu tiegħu b’rebħa 10-7 fuq Jamie Jones.

Selby għamel tliet century breaks fi pres­tazzjoni impressjonanti hekk kif għamel l-ewwel pass lejn il-mira tiegħu tal-ħames titlu fil-Crucible mill-2014. Huwa kien għal żmien qasir taħt pressjoni meta Jones rkupra minn 8-3 għal 8-6, iżda għadda mit-test biex żied iż-żewġ frames li kellu bżonn.

Selby qed ikompli jkollu trattament għall- ġlidiet tas-saħħa mentali li żvela aktar kmieni din is-sena, iżda fuq il-pannu, il-player ta’ 38 sena deher iffukat fuq l-isfida hekk kif evita żelqa tal-banana potenzjali tal-ġurnata tal-ftuħ kontra avversarju perikoluż, Jones. Din kienet l-ewwel ħarġa kompetittiva tiegħu mill-Welsh Open sitt ġimgħat ilu, u ntlaqa’ b’entużjażmu mill-partitarji f’Sheffield.

Wara li kien 6-3 minn taħt wara l-ewwel sessjoni, Jones kellu ċans jikklerja minn 55-0 iżda mar telfa b’Selby jestendi l-vantaġġ meta ħa l-11-il frame wkoll biex għamilhom 8-3.

It-12-il frame niżel għal skambju tattiku fit-tul fuq is-sewda finali, fejn kien Jones li ppottjaha biex jibda r-rimonta tiegħu. Break ta’ 53 għenu jagħmilhom 8-5 u meta Selby falla roża sempliċi għall-pocket tan-nofs fuq 48 fl-14-il frame, deher vulnerabbli hekk kif Jones għalaq biex resaq żewġ frames viċin.

Iżda Selby għeleb il-maltemp, u għamel clearance totali brillanti ta’ 137 biex għamilhom 9-6. Jones ħa s-17-il frame, peró kien Selby li qabeż il-linja tar-rebħa.

Jamie Clarke sostna li Zhao Xintong “żgur se jirbaħ it-titlu fi żmien ħames snin” wara li ġie mtajjar 10-2 mis-Cyclone wara li fl-ewwel sessjoni kien 6-3 fil-vantaġġ.

L-unika dehra preċedenti fil-Crucible ta’ Zhao waslet fl-2019 meta tilef 10-7 kontra Selby, iżda minn dak inhar tjieb b’mod drammatiku u issa għandu l-ewwel rebħa f’Sheffield taħt iċ-ċinturin tiegħu. L-ass Ċiniż ta’ 25 sena għamel avvanz kbir meta f’Diċembru rebaħ l-ewwel titlu tiegħu tal-UK Championship, u f’Jannar irdoppja l-ammont tiegħu fil-German Masters.

It-talent naturali ta’ Zhao ġie mfaħħar ħafna minn players bħal Ronnie O’Sullivan, Judd Trump u Mark Williams, u Clarke megħlub bi skor kbir kien pront jingħaqad mal-lista ta’ am­miraturi tiegħu.

Fis-sessjoni tal-ftuħ tas-Sibt fil-għodu, Zhao għamel breaks ta’ 98, 57, 73, 109, 78 u 103 biex mar 7-2 minn fuq. Ħamsa u għoxrin minuta biss mit-tielet sessjoni, huwa kabbar il-vantaġġ għal 9-2 bi breaks ta’ 88 u 82. It-12-il frame niżel għall-kuluri u Clarke kiseb is-snooker li kellu bżonn fuq il-ħadra, iżda mbagħad falla l-ħadra u ta lil Zhao ċ-ċans li jagħlaq il-logħba kif fil-fatt għamel.

O’Sullivan laħaq rekords li ilhom għal żmien twil miżmuma minn Steve Davis u Stephen Hendry billi għeleb lil David Gilbert 10-5 fl-ewwel round tal-kampjonat.

Ir-Rocket qed jagħmel it-30 dehra tiegħu fil-Crucible, li jaqbel mat-total ta’ Davis. U r-rebħa fuq Gilbert kienet is-70 partita li rebaħ fit-Teatru tal-Ħolm, rekord li Hendry kien ilu jżomm mill-2012. O’Sullivan jagħmilhom 71 jekk jirbaħ il-logħba li jmiss.

Il-mira tiegħu fit-tmiem hija l-akbar rekord ta’ Hendry – seba’ titli mondjali – l-uniku wieħed li O’Sullivan jeħtieġ li jlaħħaq biex   ipoġġi mingħajr dubju l-istatus tiegħu bħala n-numru wieħed ta’ kull żmien tas-snooker. Huwa kiseb is-sitt titlu tiegħu fl-2020 u, fl-età ta’ 46 sena, jibqa’ wieħed mill-favoriti għall- ewwel premju.

O’Sullivan ingħata polza diffiċli fl-ewwel round kontra Gilbert, semi-finalista fl-2019, fejn tħabat għar-ritmu f’sezzjonijiet tal-konfront, iżda eventwalment kiseb post fl-aħħar 16 għas-26 darba.

L-ewwel sessjonijiet ta’ erba’ logħbiet oħra jinsabu hekk: Anthony McGill v Liam Highfield 6-3; Mark Williams v Michael White 7-2; Jackson Page v Barry Hawkins 6-3; Stephen Maguire v Shaun Murphy 6-3.

Ekonomija

Sport