Wednesday, June 29, 2022

Operazzjoni ‘mirakoluża’ issalva l-ħajja ta’ tifla b’kundizzjoni rari f’qalbha

Aqra wkoll

Tifla ċkejkna ġiet iddijanjostikata b’kundizzjoni rari f’qalbha li minħabba f’hekk għandha toqob f’qalbha li jistgħu jkunu fatali, iżda t-tobba reġgħu bħal donnu tawha l-ħajja grazzi għal operazzjoni deskritta bħala waħda mirakoluża.

Omm Leah Sharp, minn Dunbar, belt fl-Iskozja, kellha kliem ta’ tifħir għat-tobba li salvawlha lil bintha f’erbat ijiem biss.

Leah ġiet iddijanjostikata b’atrioventricular septal defect (AVSD) lura fis-27 ta’ Awwissu, 2019.

Dan huwa ‘difett’ rari tal-qalb li jfisser li hemm toqob bejn in-naħa tax-xellug u tal-lemin tal-qalb tat-tifla ta’ erba’ snin, tirrapporta The Daily Record.

Lauren Koch, l-omm ta’ 25 sena, qalet li l-AVSD, il-kundizzjoni li tammonta għal 4% tad-difetti kollha tal-qalb iddijanjostikati fit-tfal, kienet xi ħaġa bħal donnu “totalment barranija” għaliha.

Lauren qalet: “Dan wara li tabib sema’ ħoss f’sider Leah u bagħatha għal scan urġenti, li żvela li kellha toqba f’qalbha. Meta tawni l-aħbar li kellha l-AVSD, kien xokk kbir. Ħassejt dik it-tip ta’ sensazzjoni ta’ meta tkun se tibki u tħoss bħal xi ħaġa fi griżmejk, imma ma tkunx tista’ tibki.”

Jekk wieħed ma jieħux ħsieb din il-kundizzjoni hemm riskju li ssir ħsara fil-moħħ, ħsara fil-kliewi u kumplikazzjonijiet fil-pulmun bħal pnewmonja. F’ċertu każijiet l-AVSD tista’ wkoll tkun fatali.

Leah iddaħħlet fir-Royal Hospital for Children, Glasgow nhar il-Ħamis, 24 ta’ Marzu, 2021 u l-għada kellha operazzjoni f’qalbha.

Il-familja tagħha stenniet imħassba għal seba’ sigħat, tipprova tibqa’ pożittiva u ppruvat tevita li taħseb fl-agħar xenarju.

“Imbagħad fl-aħħar tawna l-aħbar li l-operazzjoni kienet waħda ta’ suċċess u Leah ħalliet lil kulħadd mistagħġeb daqskemm irkuprat malajr.”

Riżultat ta’ dan, Leah setgħet toħroġ mill-isptar wara erbat ijiem biss u issa ommha rrakkuntat dak kollu li għaddew minnu u kemm tassew tinsab grata lejn it-tobba li salvaw it-tifla ċkejkna tagħha.

Sport