Thursday, March 28, 2024

L-Ewwel ‘Earth Day Green Fair’ f’Malta

Aqra wkoll

Hekk kif id-dinja tiċċelebra t-53 sena tal-Jum Internazzjonali tad-Dinja, numru ta’ intrapriżi soċjali u lokali kif ukoll NGOs ingħaqdu biex itellgħu l-ewwel ‘Earth Day Green Fair’ li qatt saret f’Malta.

Dan l-avveniment se jseħħ bejn il-Ġimgħa 22 u l-Ħadd 24 t’April fil-Majjistral Nature and History Park u f’‘The Farmoury’ fil-Manikata. Din il-fiera qed tiġi organizzata mill-Eco Market Malta, The Veg Box, Il-Park tal-Majjistral NGO, PARKS Malta u l-Ministeru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriżi.

Inkunu konsumaturi responsabbli

Tul dawn l-aħħar snin kien hawn żieda sostanzjali ta’ individwi b’kuxjenza favur l-ambjent: dawn huma nies li qed isiru dejjem aktar konxji ta’ kif l-azzjonijiet tagħna ta’ kuljum qed iħallu impatt negattiv fuq l-ambjent u b’hekk qed isibu modi ta’ kif ngħixu b’mod aktar sostenibbli. Rajna wkoll żieda f’negozji sostenibbli lokali. L-għan prinċipali ta’ dan l-avveniment hu sabiex titkompla tinxtered kuxjenza kif ukoll għarfien ta’ kif in-nies jistgħu jersqu lejn stil ta’ ħajja aktar sensibbli lejn l-ambjent. 

Fl-Earth Day Green Fair il-viżitaturi jistgħu jiskopru diversi prodotti sostenibbli li huma disponibbli hawn Malta grazzi għall-istalls li se jkunu qed ibigħu varjetà ta’ prodotti tad-dar, tal-moda u s-sbuħija, tal-ikel, u tal-ġardinaġġ fost oħrajn, li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Park tal-Majjistral se jinbidel f’zona għall-attivitajiet fejn se jkun hemm diversi taħditiet u workshops. Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jitgħallem mill-esperti u jsib soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum. Uħud mill-aktar workshops popolari jinkludu ‘Balcony Gardening’, ‘Making Sustainable Decisions’ immexxi minn kowċ internazzjonali, ‘Treasures of the Seas’ sponsorjat minn Free Hour Malta u ‘Discovering Malta with Eco Sports’ li se jkun segwit b’sezzjoni ta’ tindif.

L-Edukazzjoni Ambjentali fit-tfal hija importanti ħafna, speċjalment biex jitgħallmu prattiċi u abbiltajiet li jgħinuhom jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jgħixu f’armonija mad-Dinja. Fil-Fiera se jkun hemm żewġ zoni għat-tfal fejn se jiġu organizzati attivitajiet oriġinali u ta’ gost għal tfal ta’ kull età. Dawn l-attivitajiet se jkunu mmirati sabiex it-tfal iwessgħu l-għarfien tagħhom u jifhmu aktar ir-riżorsi naturali tad-Dinja bħal mhuma l-enerġija, l-arja, l-ilma, il-ħamrija u l-ħajja fis-selvaġġ. Barra minn hekk, se jkun hemm ‘Kids 4 Kids Market’, sponsorjat mill-Malta HSBC Foundation, fejn għal dik il-ġurnata t-tfal jistgħu jesperjenzaw il-ħajja ta’ bejjiegħ billi jbigħu xi affarijiet li għamlu huma stess jew affarijiet second-hand. F’Earth Day Green Fair wieħed se jkun jista’ jsib ukoll żona tal-ikel b’ikel sustanzjuż u internazzjonali, suq tal-ħxejjex ħielsa mill-pestiċidi kif ukoll stazzjonijiet tal-ilma għax-xorb b’xejn. 

Din l-attività timxi fuq ‘Zero Single Use Plastic Policy’ b’hekk kull min jattendi huwa mistenni li jġib miegħu basktijiet, tazzi u kontenituri sabiex ikun jista’ jibbenifika minn skontijiet u rigali b’sorpriża.

F’konformità mal-messaġġ ewlieni ta’ din l-attività, l-organizzaturi jinkoraġġixxu lill-pubbliku sabiex jiġi permezz tat-trasport pubbliku, bir-roti jew ‘car-sharing’ għal din il-fiera.

Għaliex niċċelebraw Jum id-Dinja?

Frażijiet bħal tibdil fil-klima, addattament tal-klima, mitigazzjoni u sostenibbiltà se jkomplu jsiru dejjem aktar komuni f’ħajjitna. L-aħbar il-ħażina hi li 97% tal-komunità xjentifika kkonfermat li l-imġiba tal-bniedem hi responsabbli għal dan il-fenomenu tal-qerda tal-ambjent. L-aħbar it-tajba hi li għadna fil-ħin biex noħolqu futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet kollha li għad iridu jiġu bis-saħħa ta’ soluzzjonjiet sostenibbli li diġà jeżistu. Minkejja li l-kuxjenza favur il-ħarsien tal-ambjent qed tiżdied globalment, mhux kulħadd jaf kif jikkontribwixxi b’mod attiv lejn miri klimatiċi. Earth Day Green Fair toffri l-opportunità li wieħed jitgħallem jagħti sehmu u jagħti kas sabiex flimkien niggarantixxu pjaneta sigura għal uliedna.

Id-dħul għal din il-fiera huwa b’xejn, bħal mhuma l-maġġoranza tal-attivitajiet immexxija minn attivisti, organizzazzjonijiet, innovaturi u intraprendituri ekoloġiċi. Għal lista sħiħa tal-attivitajiet, agħti daqqa t’għajn lejn il-kalendarju.

Il-Ġimgħa 22 t’April – Iż-żona għat-tfal biss bejn il-11.00 a.m. u s-2.00 p.m.

Is-Sibt 23 u l-Ħadd 24 t’April – L-Avveniment Ewlieni bejn il-11.00 a.m. u s-6.00 p.m.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.ecomarket.com jew tista’ ssib ukoll dan l-avveniment fuq il-midja soċjali.

Ekonomija

Sport