Tuesday, May 14, 2024

Futsal: Magħrufa t-timijiet għall-play-offs finali

Aqra wkoll

Se jkunu Luxol St Andrews, Valletta, Ta’ Xbiex u l-Universita’ ta’ Malta li se jikkontestaw il-play-offs finali u deċiżivi sabiex jiġi dikjarat ir-rebbieħ tal-Enemed Futsal Premier League.

Fil-fatt Luxol se jiltaqgħu kontra Ta’ Xbiex filwaqt li Valletta jaffrontaw lill-Universita’ ta’ Malta fl-aħjar minn żewġ konfronti li se jibdew minn din il-ġimgħa.

Anke l-Enemed Challenger League se jidħol f’fażi deċiżiva hekk kif il-play-offs se jiddeċiedu min se jirbaħ it-tieni l-aktar unur tal-futsal lokali. Hekk kif Mellieħa u St George’s diġa’ kisbu post fis-semifinali, Naxxar Lions, Siggiewi, Zurrieq FC u Qormi FC se jkunu qed jikkontendu ż-żewġ postijiet li fadal.

Luxol St Andrews komplew iżommu r-rekord perfett tagħhom tal-istaġun wara li rebħu l-isfida iebsa li offrewlom Valletta 5-3. Kienet logħba ta’ botta u risposta bit-tim minn St Andrews li dejjem kienu fil-vantaġġ għalkemm it-tim mill-kapitali dejjem wettqu reazzjoni qawwija. Kien biss fl-aħħar li huma aċċertaw mir-rebħa tal-istaġun.

Melvin Borg skorja doppjetta filwaqt li Maicon, Dylan Musu u Everton Veve għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Valletta irrispondew permezz ta’ Emerson Felipe, Brayan Silva u Jhonn Anderson.

Ta’ Xbiex kienu ftit sekondi ‘l bogħod milli jitilgħu fit-tielet post tal-klassifika għalkemm setgħu jiġu biss fi dro ta’ 3-3 kontra l-Universita’ ta’ Malta. Dawn tal-aħħar kienu 3-1 minn taħt iżda baqgħu jemmnu fil-potenzjal tagħhom sabiex ħadu d-dro li tant xtaqu filwaqt li żammew it-tielet post tal-klassifika.

Stefi Cale, Jonathan Caruana u Ivan Vadillo Delgado stabilixxew vantaġġ tajjeb għat-tim minn Ta’ Xbiex filwaqt li Paul Scerri, Redeemer Borg u Mohammed Elamari skorjaw għall-Universitarji.

Mill-Enemed Challenger League, St George’s ikkonfermaw posthom fl-ewwel post tal-klassifika wara li għelbu lil Naxxar Futsal 7-2. Il-Bormliżi kienu fi klassi għalihom bil-plejers tagħhom Faisal Alnakuoo u Liam Caruana jiskorjaw doppjetta kull wieħed b’Leon Camilleri, Vuk Rankovic u Matthew Scicluna li jniżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.

Sean Parnis u Jurgen Gauci naqqsu l-marġni tal-iskor għal Naxxar.

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL PREMIER LEAGUE

Luxol 42, Valletta 34, L-Universita’ ta’ Malta 26, Ta’ Xbiex 25, Mellieħa 18

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL CHALLENGER LEAGUE

St George’s 27, Naxxar Lions 24, Siġġiewi 21, Żurrieq 13, Qormi 6, Marsaskala 4

Sport