Wednesday, December 25, 2024

Cinema City: Ċinema fil-miftuħ fil-Belt Valletta mingħajr ħlas

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda Cinema City, avveniment ta’ wiri ta’ films mifrux fuq ħamest ijiem fi Ġnien Laparelli fil-Belt Valletta, mtella’ mill-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta

Il-Ministru Bonnici qal li, “Dan l-avveniment jibni fuq l-impenn tagħna li niċċelebraw il-kultura u nibqgħu nagħtu sostenn lill-artisti kif ukoll lill-industrija tal-films. Aħna kommessi li nkomplu ntellgħu aktar attivitajiet kulturali f’pajjiżna.”

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef tenna li l-Aġenzija hi kommessa li tkompli bir-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-Belt Valletta.

“Cinema City tkompli tibni fuq is-suċċess tal-Valletta Green Festival u hija ċelebrazzjoni ta’ wiri ta’ films fil-miftuħ inkluż produzzjonijiet Maltin”, spjega s-Sur Micallef.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi temi varji fosthom dik ta’ Films Klassiċi Moderni, Lejla ddedikata għall-Animazzjoni, Film Malti, u Lejla għall-Familja. Il-films se jintwerew fid-21:00 kif tindika l-iskeda:

It-Tlieta 24 ta’ Mejju – Little Miss Sunshine (16)

L-Erbgħa 25 ta’ Mejju – Simshar (12A)

Il-Ħamis 26 ta’ Mejju – The Matrix (12A)

Il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju – La Vita e Bella (PG)

Is-Sibt 28 ta’ Mejju – The Iron Giant (U)

Ispirati mill-inizjattiva tal-UE Be SpectACTive, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta stiednet membri tal-udjenza biex isiru parteċipanti attivi f’dan l-avveniment ta’ wiri tal-films. Il-volontiera ntalbu jaraw numru ta’ films ta’ ġeneri differenti mill-kumdità ta’ darhom stess, li minnhom ġew magħżula l-ħames films li se jintwerew matul dan l-avveniment.

Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, mal-preżentazzjoni tal-Karta tal-Identità. Il-postijiet huma limitati u fuq bażi first come first served. 

Għal aktar informazzjoni, ibgħat email lill-Aġenzija fuq [email protected] jew żur vca.gov.mt.

Ekonomija

Sport