Wednesday, March 27, 2024

“Prosperità ġdida fejn minn proposti se nkunu qegħdin inwettqu kisbiet”  

Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Se nagħtu importanza li nwettqu r-riformi li hemm bżonn. Se nibqgħu ambizzjużi li nimbuttaw bidliet li jaraw dan il-pajjiż jilħaq livelli ġodda. Kollox jinġabar fi tliet għanijiet; Malta isbaħ, opportunitajiet għal kulħadd, kwalità ta’ ħajja aħjar. Tliet għanijiet tal-prosperità ġdida fejn minn proposti se nkunu qegħdin inwettqu kisbiet”.

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta indirizza l-Parlament b’reazzjoni għad-diskors li għamel il-President ta’ Malta fil-ftuħ tal-Parlament is-Sibt li għadda.

Abela saħaq fuq kif dan il-Gvern se jara li jwettaq il-manifest li wiegħed lill-poplu, bil-prinċipji tal-umiltá u l-konsultazzjoni jibqgħu ċentrali fil-ħidma tiegħu.

Hekk kif aċċenna għad-deċiżjonijiet li jrid jieħu l-Gvern, il-Prim Ministru semma, fost l-oħrajn, l-emendi għal-liġi tal-IVF, li tressqu mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għall-ewwel qari proprju t-Tnejn li għadda.

Abela rrimarka dwar l-atteġġjament tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, li “prova jiskorja punti partiġġjan minn suġġett tant sensittiv.”

Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza wkoll ir-rapport tal-Caritas li tefa’ dawl fuq l-impatti kbar li qed iħallu l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna.

Hawn sostna kif, minkejja dawn l-isfidi l-Gvern Laburista dejjem wieżen lill-poplu u taffa mill-isfidi li laqtuh billi, fost oħrajn, żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.

Fakkar dwar it-tbassir ta’ aktar minn 50,000 persuna kellhom jispiċċaw qegħda u minflok illum pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ nies qegħda fl-istorja ta’ pajjiżna.

Quddiem dan kollu, il-Prim Ministru assigura li Gvern imexxi minnu se jibqa’ jgħin skont dak li jiflaħ il-pajjiż anke permezz ta’ deċiżjonijiet kuraġġjużi li jridu jittieħdu li, fost l-oħrajn, iridu jolqtu s-settur ekonomiku b’mod pożittiv.

Fost oħrajn, dan jinkludi l-esplorazzjoni ta’ mudelli li permezz tagħhom jiġu mmassimizzati l-potenzjali tar-riżorsi tal-Gvern sabiex tikber l-ekonomija.

Abela sostna li dan il-Gvern se jibqa’ jkun ambizzjuż u se jibqa’ jimbotta għal bidliet li jaraw lil dan il-pajjiż jilħaq livelli ġodda.

Il-Prim Ministru qal li l-prijorità ta’ dan il-gvern trid tibqa’ li pajjiżna huwa miftuħ għall-investiment biex l-investituri leġittimi jsibu l-bibien miftuħin beraħ mingħajr burokrazija. 

Huwa tenna jgħid li l-istampa ċara ta’ dak li rnexxielna niksbu bħala pajjiż tgħinu jkun fiduċjuż għall-mod ta’ kif il-gvern se jkompli jressaq abbozzi li jirriflettu l-kelma li mwiegħda mill-Partit Laburista.

Ekonomija

Sport