Saturday, December 21, 2024

Cisk 0.0 tirbaħ midalja tad-deheb fl-‘Oscars’ tal-industrija tal-birra

Aqra wkoll

Cisk 0.0 Alcohol-Free Lager, li tnediet fis-suq lokali dan l-aħħar, ġiet onorata b’Midalja tad-Deheb fil-kategorija Non & Low Alcohol Beer – Class 1 tal-International Brewing and Cider Awards 2021 li ttellgħet il-ġimgħa l-oħra fir-Renju Unit. Cisk 0.0 rebħet ukoll it-Tazza ġenerali tar-rebbieħa tad-Deheb tat-tliet klassijiet ta’ din il-kategorija, jiġifieri l-klassi zero alcohol, low alcohol u ultra-low alcohol.

Barra minn hekk, Cisk Strong, li hija 9% ABV Premium Lager, kisbet Midalja tal-Bronż fil-kategorija Strong Beer – Class 1 – Lager tal-istess edizzjoni.

B’kollox tħabbru 138 rebbieħ ta’ midalji u tazzi f’din il-kompetizzjoni internazzjonali tal-birra u s-cider, li hi l-aktar waħda storika fid-dinja. L-edizzjoni ta’ din is-sena saret fin-National Brewery Centre f’Burton-upon-Trent.

Il-birrara u l-produtturi tas-ciders li rċivew l-unuri fl-International Brewing & Cider Awards 2021 ġejjin minn 24 pajjiż. B’kollox ingħataw 126 midalja u 12-il tazza għal birer u ciders minn madwar id-dinja, ewlenin fosthom l-Awstralja, iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Lussemburgu, il-Korea t’Isfel, it-Tajwan, it-Tajlandja, l-Amerka u l-Ingilterra.

Tħabbru disa’ rebbieħa tal-birra li ħadu tazza kull wieħed. Fosthom kien hemm il-Ġappun u Malta. 

Minbarra t-Tazza tad-Deheb li rebħet Cisk 0.0 fil-kategorija Non & Low Alcohol, intrebħu tazzi oħra minn Yorkshire’s Elvington Brewery (Keg Lager) u minn Jersey’s Liberation Brewing Company (Cask Conditioned Ale).

Il-Juicy Hop ta’ Spring Valley Brewery, ibbażata f’Tokyo, rebħet il-premju ‘Speciality Beer’, filwaqt li l-Kadoya Beer, mill-Ġappun ukoll, rebħet il-premju ‘Strong Beer award’ għan-Nou ga Trokeru Ultra Heaven 3xIPA tagħha.

Din il-kompetizzjoni, li tmur lura għall-1886, għandha storja twila li matulha rrikonoxxiet l-aqwa birrara u produtturi tas-ciders madwar id-dinja, u l-proċess uniku tal-ġurija tagħha hu differenti mill-proċessi ta’ premjijiet oħra, tant li l-unuri tagħha llum huma meqjusin bħala l-‘Oscars tad-dinja tal-birra u s-ciders’.

L-aġġudikazzjoni saret mis-16 sat-18 ta’ Novembru fin-National Brewery Centre f’Burton-upon-Trent, ir-Renju Unit, u l-bordijiet tal-ġurija kienu magħmulin minn professjonisti fl-industriji tal-produzzjoni tal-birra u s-ciders madwar id-dinja, u tmexxew minn Rob McCaig (il-Ġurija tal-Birra) u minn Gabe Cook (il-Ġurija tas-Ciders).

Il-bqija tal-membri ntgħażlu biex jirriflettu l-ħila esperta attwali fl-evalwazzjoni kummerċjali u tat-togħma. Dan għamluh billi daqu b’għajnejhom mgħottija l-mijiet ta’ birer u ciders li daħħlu għall-kompetizzjoni l-birrara u l-produtturi tas-ciders internazzjonali.

Skont Eugenio Caruana, Chief Operations Officer u Head Brewer ta’ Simonds Farsons Cisk plc, din il-kompetizzjoni importanti u prestiġjuża hi, teknikament, unika għax il-birer jiġu ġġudikati minn professjonisti li jaħdmu fl-industrija. “Sodisfatti ħafna li l-ewwel darba li din il-kompetizzjoni inkludiet il-kategoriji tal-birer bla alkoħol, il-birra tagħna Cisk 0.0 mhux biss kisbet Midalja tad-Deheb fil-klassi tagħha imma rebħet ukoll it-Tazza minn fost ir-rebbieħa tal-Midalji tad-Deheb fit-tliet klassijiet tal-kategorija Non & Low Alcohol Beer. Id-dikjarazzjonijiet ta’ ħafna professjonisti li Cisk 0.0 hi l-aqwa sfida, il-ħolqien tal-ogħla kwalità, u r-rebbieħa minn fost birer bla alkoħol oħra dinjin, huma xhieda tad-dedikazzjoni u l-impenn sħiħ tat-tim tal-birrara tagħna li, b’ħila kbira u bl-esperjenza twila tagħhom, wasslu għal dan.”

Ruth Evans MBE, id-Direttur tal-International Brewing & Cider Awards, qalet li: “Huwa ta’ unur għalina li qed nirrikonoxxu u niċċelebraw il-birer u s-ciders straordinarji li l-birrara u l-produtturi tas-ciders ħadmu ħafna biex jipproduċuhom fl-iżjed 18-il xahar diffiċli għall-industrija.” 

Hi qalet li “Minkejja li kellna nipposponu l-Premjijiet minħabba l-pandemija, il-membri tal-komunità internazzjonali tagħna tal-birrara u l-produtturi tas-ciders ingħaqdu u baqgħu jipproduċu birer u ciders mill-aqwa u innovattivi u, għalhekk, jixraq li niċċelebraw id-determinazzjoni u s-suċċess tagħhom.”

Kompliet: “Nixtieq nirringrazzja personalment lill-membri tal-ġurija, u lill-birara u l-produtturi tas-ciders kollha li daħħlu l-prodotti tagħhom fl-edizzjoni ta’ din is-sena u għamluha waħda memorabbli.”

“Nixtiequ nifirħu lil Simonds Farsons Cisk plc għall-kisbiet li għamlet f’din l-edizzjoni. Ferħanin ħafna li qed nirrikonoxxuha b’dawn il-premjijiet li jistħoqqilha tabilħaqq.”

Rob McCaig, il-Kap tal-Ġurija tal-Birra, qal li: “Għamilna tlett ijiem induqu wħud mill-aqwa birer fid-dinja u nonoraw rebbieħa minn kull rokna tad-dinja.”

Hu kompla li: “Għalkemm għaddejjin aktarx mill-iżjed perjodu iebes għall-industrija tal-birra fl-istorja riċenti, il-produtturi tal-birra u s-ciders minn madwar id-dinja ppreżentaw għadd ta’ birer, ales u lagers eċċezzjonali. Dawn għamlulna xogħolna itqal biex niġġudikawhom għax il-kwalità tal-birer kienet tajba ħafna. Il-Ġappun jidher li qed jevolvi fl-industrija tal-birra għax qed jipproduċi birer ta’ kwalità għolja fl-ispettru kollu tal-birra.”

Is-Sur Michael Farrugia, Executive Director – Operations & Business Development ta’ Simonds Farsons Cisk plc, qal li “Dawn il-premjijiet mill-aktar prestiġjużi għal Cisk 0.0 u għal Cisk Strong u ma setgħux ġew fi żmien aktar opportun. Bħalissa qed inżidu l-isforzi biex inkabbru n-negozju internazzjonali tagħna fi swieq ġodda fil-Lvant Nofsani u l-Afrika, fejn hemm domanda għall-birer mhux alkoħoliċi u birer qawwija. Dawn l-unuri, bla dubju, se jkomplu jgħinuna nsaħħu l-isforzi tagħna f’din id-direzzjoni.”

Din is-sena tħabbru kategoriji ġodda li jirriflettu x-xejriet ewlenin tas-swieq tal-birra u s-ciders li ġew innutati mill-aħħar edizzjoni tal-2019. Fil-kompetizzjoni tal-birra żdiedet il-kategorija tal-birer bla alkoħol ‘Zero Alcohol’ li qed tagħmel tajjeb għaż-żieda li qed ikun hawn fil-produzzjoni ta’ dawn il-birer u għall-interess kbir f’dan is-settur tas-suq. Fil-kompetizzjoni tas-ciders żdiedet il-kategorija Rosé għax id-domanda għas-ciders ‘roża’ qed tikber. 

Tista’ ssib il-lista sħiħa tar-rebbieħa tal-midalji u tat-tazzi tal-2021 mis-sit tal-International Brewing & Cider Awards: https://www.brewingawards.org/wp-content/uploads/2021/11/Announcements.xls

Dawn il-premjijiet, li huma rikonoxxuti madwar id-dinja, tħabbru wkoll fil-mezzi tax-xandir internazzjonali: https://beertoday.co.uk/2021/11/19/international-brewing-cider-awards-2021/ u https://www.beerandbrewer.com/sidewood-estate-wins-international-cider-trophy/

Ekonomija

Sport