Friday, May 17, 2024

Ċittadini Ukreni qed jinħatfu hekk kif ir-Russja qed tipprova tasserixxi kontroll

Aqra wkoll

Għadd ta’ Ukreni qegħ­din jispiċċaw jiġu arrestati u suġġetti għal “għejbien sfurzat” ġewwa żoni li huma kkontrollati mir-Russi. Dan l-qalitu n-Nazzjonijiet Uniti f’kummenti li tat lill-aġenzija tal-aħbarijiet BBC.

In-NU qalet li għandha minn tal-inqas 36 każ ta’ nies ċivili li ġew arrestati, u l-familji tagħhom qegħdin jiġu mċaħħda minn informazzjoni dwar fejn qegħdin jiġu miżmuma. Għadd ta’ Ukreni qegħdin juru t-tħassib tagħhom dwar dan hekk kif jidher li r-Russja qiegħda twettaq kampanja ta’ ħtif u intimidazzjoni, u dan hekk kif qiegħda ssibha diffiċli biex tisforza d-dominanza tagħha fuq bliet li ħatfet. 

Fost il-persuni li ġew maħtufa għal għarrieda kien Viktoriia Roshchyna, ġurnalista li kienet qiegħda taħdem fiż-żoni okkupati fil-Lvant tal-Ukrajna. Hija sfat maħtufa fil-15 ta’ Marzu minn persuni mhux identifikati. Viktoriia taħdem mal-midja Hromadske, u din il-midja qalet li “probabbilment din ġiet maħtufa mill-FSB” li huma s-servizz sigriet Russu f’din iż-żona. Skont testimonjanzi u informazzjoni li dawn kisbu, jidher li hija kienet qiegħda tinżamm fil-belt ta’ Berdyansk. Viktoriia kienet ġiet meħlusa sitt ijiem wara, u dan meta beda jinxtered filmat simili għal dawk li jittieħdu meta persuni jiġu maħtufa u fih Roshincyhya – li kienet tidher magħdura – qalet li hija ma kinitx ostaġġa u nħelset grazzi għall-forzi Russi li “salvawlha ħajjitha”.

Svetlana Zalizetskaya, ġurnalista oħra din id-darba fil-belt okkupata ta’ Melitopol, akkużat lill-forzi Russi li ħadu lil missierha ta’ 75 sena ostaġġ bħala kastig talli hija qiegħda tonqos milli tikkopera mal-amministrazzjoni l-ġdida. Zalizetskaya, li hija d-direttur tal-aġenzija tal-aħbarijiet RIA Melitopol, kitbet fuq facebook li miss­ierha ġie maħtuf wara laqgħa li hija kellha mal-kap Russu li tpoġġa f’din il-belt, f’liema laqgħa hija ma qablitx li twaqqaf il-kritika tagħha kontra l-invażjoni. 

Hija qalet ukoll li rċeviet telefonata mingħand dawk li ħatfu lil missierha, u f’din it-telefonata hija tkellmet ma’ missierha u dan qalilha li qiegħed jinżamm “f’qisu basement” u li “ma jafx xi jridu mingħandu”. Il-persuni li wettqu l-ħtif qed jitolbu lil Zalizetskaya, li ħalfet li tgħid lid-dinja “bl-attroċitajiet mwettqa mir-Russja f’Melitopol”, biex iċċedi ruħha għall-awtoritajiet. 

Sport