Tuesday, March 25, 2025

Coaches mill-programm UEFA Pro tal-Malta FA fi żjara ta’ studju ferm interessanti fir-Renju Unit

Aqra wkoll

Bejn it-3 u l-5 ta’ Marzu, coaches mill-programm UEFA Pro tal-Malta FA imbarkaw fuq żjara ta’ studju ferm interessanti fir-Renju Unit, fejn kellhom l-opportunità jitgħallmu minn uħud mill-aktar professjonisti rispettati fil-football u lil hinn. Iż-żjara kienet tinkludi waqfiet f’Fulham FC Training Centre u r-Royal College of Music High Performance Laboratory, f’Londra. 

L-itinerarju tal-coaches f’Fulham FC kien jinkludi sensiela ta’ attivitajiet impenjattivi mmirati biex itejbu l-għarfien tagħhom dwar l-iżvilupp tal-players. Huma kellhom iċ-ċans li jaraw partita ta’ Fulham U21 kontra Nottingham Forest, iduru l-faċilitajiet impressjonanti taċ-ċentru tat-taħriġ u jipparteċipaw f’lectures mogħtija mill-Kap tal-Analiżi u l-Kap tal-Iżvilupp tal-Players tal-club.  Id-diskussjonijiet kienu mmirati fuq l-approċċ ta’ Fulham FC biex jitrawwem it-talent, b’għarfien dettaljat tal-analitiċi u l-metodoloġiji tal-iżvilupp tal-players utilizzati mill-club. Barra minn hekk, il-coaches attendew diversi sessjonijiet ta’ taħriġ u kienu nvoluti f’taħditiet produttivi mal-istaff professjonali ta’ Fulham FC, u kisbu perspettivi siewja dwar il-preparazzjoni tal-players għal kompetizzjonijiet elite.

Aspett eċċitanti u uniku ta’ din iż-żjara kien l-opportunità li jiġi esplorat ir-Royal College of Music High Performance Laboratory. Hawnhekk, il-coaches skoprew is-similaritajiet bejn id-dinja tal-mużika u l-coaching sportiv. Huma osservaw kif id-diretturi mużikali effettivament imexxu gruppi ta’ mużiċisti u kif l-aqwa artisti professjonali jippreparaw lilhom infushom b’mod metikoluż f’ambjent li jġib miegħu pressjoni qawwija. 

Din l-esperjenza affaxxinanti enfasizzat il-prinċipji kondiviżi ta’ eċċellenza, preparazzjoni, u tmexxija bejn l-arti u l-isports. Element kruċjali taż-’żjara ta’ studju’, iffoka fuq ir-rwol tal-coaches fil-promozzjoni tal-bidla soċjali u r-responsabbiltà tal-komunità. Il-grupp żar l-Appartamenti tal-Fondazzjoni Puttinu, f’Sutton, fejn kellhom l-opportunità li jiltaqgħu u jitkellmu ma’ familji ta’ pazjenti Maltin li qed jieħdu l-kura fir-Renju Unit. 

Din iż-żjara pprovdiet lill-coaches b’esperjenza ta’ umiltà, u fakkrithom fl-importanza tal-empatija, l-appoġġ, u l-influwenza pożittiva lil hinn mill-ground tal-football. Din iż-żjara ta’ studju serviet bħala esperjenza edukattiva komprensiva, li offriet lezzjonijiet siewja minn diversi ambjenti ta’ prestazzjoni għolja filwaqt li saħħet ukoll l-importanza tar-responsabbiltà soċjali fil-coaching. 

Il-Malta FA tibqa’ impenjata li tipprovdi esperjenzi ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja għall-coaches tagħha, u tiżgura li huma mgħammra bl-għarfien, il-ħiliet, u l-valuri meħtieġa biex jiddistingwu lilhom infushom fl-irwoli tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport