Wednesday, December 25, 2024

Competence Centres f’oqsma speċifiċi biex ikollna ħaddiema aktar speċjalizzati

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jindirizza konferenza organizzata mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji u l-Malta Enterprise, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal li f’pajjiżna se jkollna Competence Centres f’setturi speċifiċi li se jwasslu biex ikollna aktar ħaddiema speċjalizzati f’setturi partikolari.

Dawn is-setturi se jinkludu t-teknoloġija tas-semikondutturi, manifattura avvanzata u t-teknoloġija diġitali. Dawn il-hubs se jservu wkoll bħala ċentri għat-taħriġ li se jwassal biex ikollna ħaddiema aktar speċjalizzati biex b’hekk Malta tkun ukoll aktar kompetittiva fuq livell globali.

“Se jkollna ukoll SME Hub, li se joffri spazju għall-faċilitajiet għan-negozji żgħar u medji kif ukoll ikun post ta’ taħriġ u networking, biex in-negozji flimkien ikunu jistgħu jitgħallmu u jsibu l-appoġġ neċessarju minn xulxin,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Il-Ministru Schembri qal ukoll li se jkun hemm titjib f’diversi skemi tal-Malta Enterprise fosthom, ir-rent subsidy scheme li se tkun imtejba biex aktar negozji żgħar u medji jsiru sidien tal-propjetà tagħhom u mhux biss jiġu megħjuna jikru.

“Se nkunu qed naraw ukoll li jkun emendat l-Att dwar il-Malta Enterprise biex inkunu aktar selettivi f’liema negozji u setturi għandna nassistu. Dawn il-proposti diġà bdew jiġu implimentati fosthom reorganisation, tibdil fl-iskemi preżenti kif ukoll preparamenti għall-investiment qawwi fl-aspett teknoloġiku tal-operat sabiex intejbu l-effiċjenza. Għalhekk sabiex bil-fatti naraw li nassistu attività li hija high value added, sa nofs is-sena d-dieħla ħa nressaq emendi fil-Parlament sabiex jiġi emendat il-Malta Enterprise Act. Dawn l-emendi legali ħa jkunu qegħdin mhux biss jagħtu direzzjoni iżda jorbtuna fuq il-kwalità u mhux il-kwantità,” saħaq il-Ministru.

Il-Ministru Schembri spjega wkoll li se jkun hemm tibdil fl-INDIS, fejn hekk kif illum ma għandniex problema tal-qgħad, u għalhekk biex itejbu l-kwalità u mhux il-kwantità l-art industrijali trid tibda tingħata fuq il-valur miżjud u mhux fuq il-ħolqien tal-impjiegi. Biex dan isir u jkollna s-saħħa tal-liġi bdiet ħidma wkoll sabiex sa nofs is-sena d-dieħla jitwaqqaf qafas legali ġdid li jirregola l-operat tal-INDIS kif ukoll għall-ewwel darba f’pajjiżna jkollna industrial policy li tinċentiva attività b’valur miżjud speċjalment fejn tidħol l-allokazzjoni ta’ art Industrijali.

“B’hekk flimkien mal-Malta Enterprise Act naraw li r-riżorsi ta’ pajjiżna jkunu indirizzati lejn dawk l-industriji li huma ta’ valur għoli miżjud bħal dawk teknoloġiċi u diġitali, microchips, avjazzjoni u marittimu, ekoloġiċi, automation, life sciences u high end manufacturing, fost oħrajn,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Ekonomija

Sport