Sunday, December 22, 2024

Connie Rixon B’midalja tal-fidda fil-Kampjonati tad-Dinja tal-Indoor Bowls ġewwa Guernsey

Aqra wkoll

Il-Maltija Connie Rixon kisbet midalja tal-fidda f’Guernsey hekk kif Malta kkompetiet fil-World Bowls Indoor Championships f’Guernsey matul il-ġimgħa li għaddiet.

Rixon tat prestazzjoni konsistenti matul il-Kampjonati hekk kif kellha tiffaċċja xi wħud mill-aqwa bowlers fid-dinja fil-grupp tagħha.

Aktar kmieni fil-ġimgħa għelbet iċ-Champion tad-Dinja tal-Ladies Singles tal-2023 Tayla Bruce minn New Zealand. Rixon temmet it-tamiet ta’ Bruce ta’ titlu ieħor wara logħba missielta, biż-żewġ atleti jirbħu set kull wieħed u r-rebbieħ jiġi ddeterminat b’tie breaker. Fl-aħħar mill-aħħar kienet Rixon li ħadet ir-rebħa u ratha tgħaddi għas-semifinali li fiha lagħbet kontra l-Iskoċċiża Natalie McWilliams f’dak li kien tie-breaker ieħor.

Rebħa oħra għal Rixon fissret li kienet ser tinkiteb paġna oħra fl-istorja ta’ dan l-isport, peress li din kienet l-ewwel darba li bowler Maltija wasal għall-finali. L-aħħar partita ta’ Rixon kienet kontra Nor Farah Ain Abdullah tal-Malasja.  Din tal-aħħar iżda rebħet il-finali mingħajr telf ta’ sets.

Din mhix l-ewwel darba li Rixon poġġiet isem Malta fuq il-mappa tal-Bowls. Fl-2018, hi – flimkien ma’ oħta Rebecca, ommha Rosemary u Sharon Callus kisbu Midalja tal-Bronż fil-Women’s Fours waqt il-Logħob tal-Commonwealth li sar fil-Gold Coast.

Il-kontinġent Malti f’Guernsey kkompeta fl-avveniment Women’s Singles, Men’s Singles u Mixed Pairs u kien jikkonsisti minn Connie Rixon u Joe Saragozza. Paul Kajewski wettaq dmirijiet ta’ Team Manager, filwaqt li l-Midalja tal-Fidda tal-Logħob tal-Commonwealth ta’ Birmingham Lucy Beere ħadet dmirijiet ta’ kowċing.

“Ninsabu kburin immens bil-kisba notevoli ta’ Connie Rixon. Il-midalja tal-fidda fil-Kampjonati tad-Dinja tal-Bows Indoor f’Guernsey, mhux biss iġib unur lil Malta iżda jispira wkoll lill-komunità sportiva kollha tagħna. Nifirħulha għal dan ir-riżultat storiku u nħarsu ‘l quddiem biex naraw aktar kisbiet kbar mill-atleti b’talent tagħna fil-futur.” – Julian Pace Bonello, President, Kumitat Olimpiku Malti.

Ekonomija

Sport