Cristiano Ronaldo kompla jiżola lilu nnifsu wara r-rebħa kbira li l-Portugall irreġistraw fuq l-Isvizzera bl-iskor ta’ 6-1, hekk kif ħareġ mill-ground filwaqt li sħabu komplew jiċċelebraw il-prestazzjoni u r-rebħa stupenda quddiem il-partitarji tagħhom.
Huwa deher urtat li l-coach, Fernando Santos, utilizzat bħala sostitut fejn ħareġ jilgħab fit-73 minuta meta ħa post Joao Felix.
Prattikament, in-nuqqas tiegħu ma nħassx minħabba li sa dak il-ħin il-Portugiżi kienu qed jirbħu bl-iskor ta’ 5-1. Ironikament, is-sostitut tiegħu, Goncalo Ramos, qam għall-okkażjoni hekk kif skorja hat-trick.
Filmati urew li ħadd mill-players Portugiżi ma ta każ Ronaldo miexi waħdu lejn id-dressing room iżda gawdew dak il-mument ta’ festeġġament quddiem il-partitarji tagħhom.
Dan l-atteġġament ta’ Ronaldo ġab miegħu stmerrija kbira hekk kif ġie kkritikat bl-aħrax fuq il-media soċjali li abbanduna lill-kumplament ta’ sħabu.