Wednesday, March 27, 2024

Fernando Santos jgħid li kienet deċiżjoni strateġika li Cristiano Ronaldo beda fuq il-bank kontra l-Isvizzera 

Aqra wkoll

Il-coach tal-Portugall, Fernando Santos, qal li d-deċiżjoni tiegħu li jutilizza lil Cristiano Ronaldo bħala sostitut fir-rebħa ta’ 6-1 fuq l-Isvizzera kienet waħda “strateġika u xejn aktar.” 

Santos kien esprima d-dispjaċir tiegħu bir-reazzjoni ta’ Ronaldo meta fit-telfa ta’ 2-1 kontra l-Korea t’Isfel kien ġie sostitwit iżda tenna li dik il-kwistjoni ma kellha l-ebda impatt. 

“Diġá għidt li dik il-kwistjoni hija magħluqa. Cristiano Ronaldo huwa wieħed mill-aqwa players fid-dinja ta’ kull żmien … iżda rridu wkoll  naħsbu biss dwar dan it-team kollettivament,” qal Santos.

Mistoqsi jekk kinitx l-aktar deċiżjoni diffiċli tal-karriera tiegħu li jħalli barra lil Ronaldo, Santos qal: “Għanda relazzjoni mill-qrib ħafna, naf lilu minn meta kellu 19-il sena meta kien jilgħab ma’ Sporting, u mbagħad għal snin hawn fl-iskwadra nazzjonali. 

“Jien u Ronaldo qatt ma npoġġu l-aspett uman u personali mar-relazzjoni ta’ coach u player. Huwa player importanti ħafna għalina,” kompla l-coach tal-Portugall.

Santos qal li jistenna logħba “diffiċli ħafna” kontra l-Marokk fil-kwarti-finali iżda qal li t-team tiegħu sab il-forma ġusta.

“Jekk nistgħu nkomplu hekk u ntejbu xi affarijiet allura dik tkun it-triq tajba,” temm jgħid Santos.

Ekonomija

Sport