Sunday, November 10, 2024

Cruiseliner jitwaqqaf milli jidħol f’Malta wara każijiet ta’ Covid-19

Aqra wkoll

Wara li jumejn ilu, dan is-sit irrapporta li numru ta’ passiġġieri kellhom jitniżżlu minn fuq cruise ship ġewwa Genoa fl-Italja wara li ttestjaw pożittiv għall-Covid-19, jidher li l-istess cruise ship ma tħalliex jidħol f’Malta dalgħodu.

Skont dak li rrappurtat midja barranija, fosthom RaiNews24, kien hemm xejn inqas minn 150 persuna li ġew infettati abbord dan il-bastiment. 

Fuqu hemm ukoll Maltin, b’rapporti jgħidu li l-ebda minnhom ma rriżulta pożittiv għall-Covid-19.

Huwa mifhum li l-passiġġieri jinsabu fi triqithom lejn il-Port ta’ Palma de Mallorca fi Spanja fejn hemmhekk se jsirilhom test tal-Covid-19. F’każ li dan jirriżulta fin-negattiv, jistgħu jintbagħtu lura Malta bl-ajruplan. 

Ġie rrapurtat ukoll li l-maġġoranza tal-passiġġieri abbord dan il-cruise ship huma Taljani u ma kellhomx sintomi u li l-ebda passiġġier li rriżulta pożittiv għall-Covid-19 ma kellu bżonn jittieħed għall-kura l-isptar. 

Intant, aktar tard MSC Grandiosa kkonfermat li l-vapur ma tħallix jidħol f’Malta, iżda għall-kuntrarju qalet li żgur li m’għandux mijiet ta’ każijiet ta’ Covid-19 abbord. Fi stqarrija hija qalet li dawk kollha li rriżultaw pożittivi, ilhom li żbarkaw fil-portijiet qrib djarhom matul l-itinerarju regolari tal-vapur aktar kmieni din il-ġimgħa.

Hija ċċarat li f’Malta kellhom jinżlu 28 persuna li ma kinux pożittivi għall-virus iżda minflok se jitniżżlu f’port ieħor. Minn hemm se jsiru l-arranġamenti neċessarji biex jintbagħtu lura f’Malta bl-ajru.

Sport