Tuesday, April 23, 2024

Haley Bugeja tirbaħ L-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Diċembru

Aqra wkoll

Haley Bugeja ingħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Diċembru.

Bugeja li għandha 17-il sena skurjat l-ewwel gowl tagħha għal dan l-istaġun fis-Serje A Femminili fl-Italja ma’ U.S. Sassuolo kontra Napoli, sabiex dan kien it-13-il gowl tagħha magħhom minn meta ngħaqdet magħhom fl-istaġun li għadda. Hija kellha d-debutt professjonali tagħha b’żewġ gowls kontra l-istess Napoli, meta U.S. Sassuolo rebħulhom bl-iskor ta’ 3-1. F’Diċembru li għadda, Haley Bugeja saret l-ewwel Maltija li ġiet magħżula mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Istatistika u l-Istorja tal-Futbol l-IFFHS, bħala attakanta li tagħmel parti mit-tim tal-aqwa 11-il plejer tal-futbol tan-nisa fid-dinja.

Minħabba l-impenji kontinwi mal-klabb Taljan, Bugeja mhux se tkun f’Malta għalissa. Għaldaqstant il-preżentazzjoni uffiċjali tat-trofew Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar u l-vawċer ta’ abiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju jingħata lil Bugeja aktar il-quddiem.

Ir-rebbieħa l-oħra kollha għas-sena 2021 huma: Kayden Lagana (Tenpin Bowling) – Jannar, Francesca Curmi (Tennis) – Frar, Mya Azzopardi (Għawm) – Marzu, Jeremy Zammit (Long Jump) – April, it-Tim Nazzjonali U15 tal-Waterpolo – Mejju, Sasha Gatt (Għawm) – Ġunju, Jeremy Zammit (Long Jump) – Lulju, it-Tim Nazzjonali U17 tan-Nisa tal-Waterpolo – Awwissu, Zea Montfort (Għawm Artistiku) – Settembru, Lijana Sultana (Squash) – Ottubru u Matti Satariano (Darts) – Novembru.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil [email protected]. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Sadanittant, l-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance se joħorġu komunikat uffiċjali fil-ġranet li ġejjin, fejn se jiġi spjegat il-metodu kif se jingħata l-premju tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tas-Sena 2021. Il-pubbliku ġenerali se jkun ukoll involut sabiex jivvota lill-atleta jew it-tim favorit tiegħu.

Sport