Sunday, December 22, 2024

“Dak li allegatament ġara diżgustanti għall-umanità tagħna”

Il-Ministru Byron Camilleri dwar l-allegat każ ta’ aggressjoni minn tliet Kuntistabbli tal-Pulizija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dak li allegatament ġara mhux aċċettabbli f’Korp Dixxiplinat. Mhux diżgustanti biss għax ġara fil-Korp. Iżda diżgustanti għall-umanità tagħna. Mhux aċċettabbli li jkun hemm dak it-tip ta’ allegat aġir li smajna dwaru.”

Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar l-allegat każ ta’ aggressjoni minn tliet Kuntistabbli tal-Pulizija fil-konfront ta’ persuni barranin. 

Rica Mifsud Grech ta’ 22 sena, Jurgen Falzon ta’ 24 sena u Luca Brincat ta’ 20 sena qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi li ħatfu persuni barranin u sawtuhom f’post imwarrab f’Ħal Qormi. It-tlieta li huma jinsabu sospiżi mill-Korp u bħalissa qed jinżammu taħt arrest preventiv. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li dawn l-allegazzjonijiet ma jirriflettux il-ħsieb tal-maġġoranza assoluta tal-5,000 ħaddiem fil-Korpi Dixxiplinati ta’ pajjiżna, li lanqas biss jgħaddilhom minn moħħhom li jagħmlu dak li allegatament ġara. 

“Dak li hu allegat li ġara hu diżgustanti. Aktar jirrabjak għaliex xi persuni dik il-fiduċja li s-soċjetà tathom, dik l-uniformi, sabiex taħdem għaliha ġiet abbużata. Qed inkun ċar. L-ebda forma ta’ allegat aġir simili ma jsib la l-kenn tiegħi u lanqas tal-kollegi sħabi,” qal il-Ministru Camilleri. 

Tenna li mhux se jkunu qed iħallu l-ftit itappnu x-xogħol tajjeb ħafna li jagħmlu ħaddiema oħrajn bħalhom ta’ kuljum. Qal li se jkomplu jaħdmu biex jibnu fuq ir-riformi li diġà twettqu u jaraw li dawn il-bidliet ikomplu jagħtu r-riżultati.

“Se nibqgħu spalla ma’ spalla mal-ħaddiema sabiex jagħtu sigurtà aħjar lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. Iżda fl-istess ħin nitolbu minnhom illi jagħtu servizz tajjeb lill-poplu tagħna,” temm jgħid il-Ministru Byron Camilleri. 

Ekonomija

Sport