Saturday, May 4, 2024

“Dak li jiġi miftiehem, maqbul u ffirmat ma jistax jinbidel jekk mhux bi qbil”

Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Aqra wkoll

Ħadd ma jista’ jindaħal bejn trejd unjin u l-managment ta’ post tax- xogħol fuq dak li jkun ġie miftiehem u maqbul. Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu li l-COLA tkun apparti minn kull żieda oħra, ħadd ma jista’ jiddetta mod ieħor. F’dan il-każ ikun ifisser li l-iskop ta’ negozjar ta’ ftehim kollettiv jispiċċa. 

Il-proposta li saret minn min iħaddem ma tagħmel l-ebda sens ekonomiku la għall-ħaddiem u lanqas għal min iħaddem. F’każ li min iħaddem jkunu jridu jbiddlu l-ftehim jistgħu jagħmlu dan biss billi jiftħu djalogu soċjali mat-trejd unjins u bħalma ġara fil-każ taż-żieda tal-paga minima u l-Covid-19, nagħmlu l-almu tagħna biex nippruvaw insibu soluzzjoni. 

Il-ftehim li kien sar lura fl-1990 kien ġab paċi industrijali li ħalla il-frott, tant li kif kulħadd jista’ jara kiber l-investiment kif ukoll l-ekonomija. L-istrajks ġenerali saru xi ħaġa tal-passat. Iżda jekk dan il-ftehim jinbidel se jinħoloq inkwiet industrijali. 

Fil-każ tal-aspett kompetittiv tal-pajjiż, minħabba l-fatt li l-gvern qed jassorbi d-differenza fil-prezz tal-enerġija, fjuwil u ċereali, dan qed jgħin biex il-postijiet tax-xogħol tagħna jibqgħu kompetittivi. Minbarra hekk l-aħħar statistika tal-Eurostat tikkonferma li l-prezz ta’ kull unit ta’ xoghol se tonqos din is-sena u anke s-sena d-dieħla. Għalhekk jekk l-ispiża ta’ kull unit tax-xogħol tonqos allura jkun ifisser li l-produttività tkun qed tiżdied. 

L-istess statistika turi li bejn l-2001 u l-2016, il-produttività kienet żdiedet bi ftit. Filwaqt li fl-2017 żdiedet b’1.7%. Madankollu naqset fl-2018 u fl-2019.  

l-istess statistika tindika li matul din is-sena huwa stmat li l-unit ta’ xogħol se jonqos b’2.5% u bi 3% fl-2023 li jkun ifisser li qed tiżdied il-kompetittivita.

Bħala sħab soċjali għandna dover nassiguraw li l-paga tkun adegwata, li tiggarantixxi dħul diċenti u ħajja xierqa. Ovvjament ir-regolamenti tas-suq ħieles japplikaw ukoll għad-dinja tax-xogħol, jiġifieri s-suq jiddetta l-valur tax-xogħol. Paga xierqa u adegwata ssarraf f’benefiċċji kemm għall-ħaddiema kif ukoll għan-negozji. Din tikkontribwixxi biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta, tistimula titjib fil-produttività u tippromwovi l-mobilità ekonomika u soċjali. 

Is-saħħa tal-pagi huwa essenzjali waqt it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Huwa importanti li jkun żgurat għajxien deċenti għall-ħaddiema, speċjalment dawk vulnerabbli, waqt mumenti ta’ kriżi, apparti li dan huwa wkoll essenzjali biex l-irkupru ekonomiku jkun wieħed sostenibbli u inklusiv.

Aħna deċiżi li mhux se naċċettaw li jinbidel xi ħaġa din is-sena, iżda f’każ li jkun se jsir tibdil fil-futur issir diskussjoni serja u djalogu soċjali f’hdan l-MCESD biex nippruvaw insibu qbil bejn kulħadd. 

Dak li jiġi miftiehem, maqbul u ffirmat ma jistax jinbidel jekk mhux bi qbil bejn iż-żewġ naħat u l-GWU żgur ma taqbilx li jsir tibdil issa. 

Sport