Saturday, December 21, 2024

Dalwaqt mistennija tibda konsultazzjoni dwar il-Qorti tal-Familja

Għada se ssir protesta dwar il-Parental Alienation u li l-manteniment jiġi dekriminalizzat

Aqra wkoll

B’mod regolari jinħarġu stejjer dwar il-Qorti tal-Familja. Stejjer li ħafna drabi juru tbatijiet u sofferenzi li jgħaddu minnhom familji u anke tfal waqt il-proċeduri li jkunu għaddejjin. Jinstemgħu każijiet marbutin ma’ manteniment bħal missirijiet li b’mod regolari ma jħallsux il-manteniment, jew inkella missirijiet jilmentaw li sfaw imsallbin b’istess mantenimenti. Dwar dan saru diversi proposti matul is-snin u anke sejħiet biex tkun trattata. Saru ukoll sejħiet rigward il-Parental Alienation u biex jittieħdu miżuri bil-għan li tkun trattata.

Proprju fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, tefa’ dawl fuq il-Qorti tal-Familja u ħabbar li fi żmien qasir se jitħabbru sett ta’ rakkomandazzjonijiet għal konsultazzjoni pubblika marbutin mal-Qorti tal-Familja.

Fil-Parlament hu ddikjara li “inħares ’il quddiem li fiż-żmien li ġej, inkun nista’ nħabbar l-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika marbuta ma’ dan is-settur. Anki li jirriflettu dawk li għandna impenji fil-programm elettorali tagħna fuq is-settur tal-familja.”  

Tkellem dwar fl-aħħar xhur saru diversi laqgħat mal-partijiet ikkonċernati u anki dawk il-persuni li sofrew minħabba ċertu sitwazzjoni li kellhom f’ħajjithom.  

Il-Ministru Attard fil-Parlament saħaq li din ir-riforma hi importanti, biex ikompli jiġi msaħħaħ dak li se jkun rakkomandat u tingħata opportunità li ssaħħaħ il-Qorti u anki permezz ta’ strutturi speċjalizzati, li jwasslu għal aktar effiċjenza.  Iddikjara iżda li dak li jsir, dejjem irid isir fl-aqwa interess tat-tfal. 

“Il-pass li jmiss huwa li dan kollu, b’xi mod jew ieħor, jiġi rifless f’riforma leġiżlattiva, li fl-aħħar mill-aħħar irid ikun hemm intervent leġiżlattiv fuq diversi oqsma li din ir-riforma twassal għal frott mixtieq”, kompla jgħid il-Ministru Jonathan Attard, li kien qiegħed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputata Naomi Cachia.

Intant nhar il-Ħamis, se ssir protesta fil-Belt Valletta dwar il-Parental Alienation. “Għandek familji imkissrin u aktar qegħdin jitkissru minħabba is-sistema li teżisti. Fejn hu x-xelter għall-irġiel?”, kien il-kumment li għaddielna persuna involut wara l-protesta. Tenna li “għandna persuna li qed tħallas €700 f’manteniment u għandu €500 f’kirja. Kif jista’ jgħix dan?”, kien il-kumment li għaddielna l-istess persuna.

L-istess persuna qalulna li “fuq kwistjonijiet ta’ manteniment il-persuni li ma jħallsux qegħdin jintefgħu l-ħabs. Il-mistoqsija tagħna hi x’qed jieħdu it-tfal b’daqshekk? Stigma. Billi tfajtu l-ħabs se jiġi l-manteniment? X’qed tieħu s-soċjetà billi l-missier titfgħu l-ħabs?”, tenna l-istess persuna.

Ekonomija

Sport