Sunday, October 27, 2024

“Dan hu mument fejn is-sentenza tista’ tkun appellata… inkunu kawti u prudenti f’dak li ngħidu”

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament tqajmet il-kwistjoni dwar is-sentenza li ngħatat mill-Qorti fejn żewġ Avukati ma nstabux ħatja li pprovaw jikkorrompu ġurnalist f’Novembru tal-2020 minħabba teknikalità.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kienet innotat li fin-nota ta’ rinviju għall-ġudizzju, l-Avukat Ġenerali indikat l-artikli li jirreferu għall-korruzzjoni passiva fil-privat u mhux dik attiva jew it-tentattiv tiegħu. 

Il-Qorti qalet li ġaladarba ebda reat ta’ korruzzjoni passiva ma ġie kkunsmat, huwa inkonċepibbli li l-imputati jistgħu jitqiesu bħala kompliċi tar-reat. Qalet li għalhekk ma setgħetx tapplika din id-dispożizzjoni tal-liġi bir-riżultat li kellha tillibera liż-żewġ Avukati mill-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

B’rabta ma’ din is-sentenza, id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard jekk wara din is-sentenza għadx għandu fiduċja fl-Avukat Ġenerali. 

Il-Ministru Attard wieġbu li wieħed irid joqgħod attent kif jitkellem fuq uffiċċju kostituzzjonali. “Hija konferma oħra ta’ kemm nitkellmu b’mod konvenjenti dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Hija konferma ta’ kemm l-Oppożizzjoni titkellem ħafna fuq saltna tad-dritt imma meta jiġu ċirkostanzi bħal dawn jonqos mill-aktar ir-rispett.” 

Il-Ministru Attard qal li dan hu mument fejn is-sentenza tista’ tkun appellata. Qal li jkun għaqli li nkunu kawti u noqogħdu attenti u prudenti f’dak li ngħidu għax kull kelma li wieħed jesprimi rigward din is-sentenza tista’ tippreġudika l-possibbli appell.

“Bħala Ministru tal-Ġustizzja se nesiġi li r-riformi li wettaqna u li qed inwettqu bl-ebda mod ma jkunu mxekkla. Jekk jirriżulta li l-affarijiet ma sarux kif kellhom isiru, isiru l-investigazzjonijiet indipendenti u jittieħdu l-passi,” temm jisħaq il-Ministru tal-Ġustizzja.

Sport