Thursday, December 26, 2024

“Dan huwa l-moviment li ma jiqafx jiġġedded” – Il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waqt il-Konferenza Ġenerali minn ġewwa d-Dar il-Mediterran għall-Konferenza, fejn ġie approvat il-manifest tal-Partit Laburista b’mod unanimu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li qiegħed hawnhekk biex iniedu pjan ambizzjuż għal pajjiżna, iżda qal li ma jistax jibda jitkellem dwar il-futur jekk ma jirreferix għal dak li għaddej madwarna. Innota kif ġimgħa oħra sfortunatament rajna kif id-dinja tista’ tinbidel ta’ taħt fuq fejn jidħol sens ta’ biża’ u instabiltà. Tkellem dwar l-importanza li nżommu sodi mal-valuri tagħna.

“Meta rajt l-air strikes fuq sptar tat-tfal irrabjajt mhux biss għax intilfu l-ħajjiet imma tgħid kemm kien attakk kodard dan. Att ta’ ħażen. Kien dan il-messaġġ li għaddejt mal-mexxejja Ewropej li l-ġlieda hija kontra dak li huwa ħażin u l-missjoni Mediterranja tagħna hija li naħdmu favur il-paċi. Favur dak li huwa ġust.”

“Meta jgħidulna li x-xogħol fil-politika ma jagħmilx differenza u li n-nies ma jinteressahomx jew indifferenti, nuruhom ix-xogħol li għamilna u llum nistgħu nuruhom kif dan il-pjan tagħna li qed nippreżentaw għall-ħames snin li ġejjin huwa wieħed li joffri ruħ soċjali fejn se naħdmu għall-pajjiż aktar ġust ibbażat fuq il-valur tal-fairness,” qal Dr Abela.

Tkellem dwar il-familja fejn Lydia u t-tifla huma ta’ ispirazzjoni kontinwa  għalih u osserva l-fatt li llum il-ġurnata huwa fdat għar-responsabiltà ta’ familja akbar. Qal li dak li qed ipoġġu quddiem in-nies issa – pjan ta’ kif se jkomplu jtejbu lil dan il-pajjiż, pajjiż li jgħix bħala familja waħda. Irrefera għall-pjan bħala wieħed trasparenti li huwa frott xogħol ta’ xhur sħaħ  u diskussjonjiet intensivi li kellhom, b’uħud minnhom ma’ nies li għaddew minn esperjenzi personali  li kienu iebsin ukoll. 

Qal li dan il-programm li qed iressqu llum huwa frott ta’ ħidma ta’ moviment li ma waqaf qatt ibiddel, jitgħallem u li qatt ma qal li wasal lanqas. Osserva li dan ix-xogħol sar fl-isfond tal-fatt li bħala Gvern kienu qed imexxu l-pajjiż matul il-kriżi tal-pandemija fejn raw li jsalvaw il-ħajjiet tan-nies u fl-istess ħin jaraw li noħorġu aktar b’saħħitna minn qatt qabel. Dan fl-isfond tal-fatt li matul l-istess perjodu l-Gvern kompla għaddej bir-riformi tiegħu ta’ kif jitmexxa l-pajjiż fejn għall-ewwel darba reħa minn poteri li kellu kull Prim Ministru qablu. 

Qal li waqt dan kollu bdew ifasslu pjan biex jibnu l-Malta ta’ għada. “Dan huwa l-moviment li ma jiqafx jiġġedded,” qal Dr Abela, “Dan huwa l-moviment li ma jiqafx ġurnata waħda jaħseb kif pajjiżna jista’ jkun aħjar għal uliedna.  Jekk jogħġobkom tisilfuni l-fiduċja tagħkom bl-ewwel mandat tiegħi, se nara li dan il-pjan jitwettaq u jitwettaq kollu. Għandna l-kredibilità u t-track rekord li jitkellem għalina. Din hija l-kelma tiegħi magħkom.”

Filwaqt li osserva li l-pjan fih 1,000 proposta li qed juri evoluzzjoni ta’ ideat u ħsibijiet għall-ħtiġijiet ta’ għada, qal li dan huwa pjan ambizzjuż għal Malta isbaħ. Pjan ambizzjuż għal Malta t’opportunitajiet akbar għal kulħadd. 

Qal li issa għadna kemm ħerġin minn pandemija u għandna pressjonijiet ġodda, sfidi internazzjonali ġodda ġewwa l-Ewropa stess, ewlenija fosthom kif se jaħdmu biex iżommu l-prezz tad-dawl, tal-fjuwils u tal-gass biex jibqa’ stabbli. “Magħna tafu kif mexxejna matul żminijiet ta’ inċertezza u dik hija t-tmexxija li dan il-pajjiż reġa’ għandu bżonn. Tmexxija stabbli li taf tieħu deċiżjonijiet sodi biex toħloq klima li timxi ‘l quddiem”

Tkellem li se jagħmlu qafas leġiżlattiv ġdid li se jkun qed jirregola l-istart-ups f’pajjiżna u jagħtihom inċentivi fosthom tar-regolazzjoni fiskali. 

Fakkar kif fl-aħħar ġimgħat ġew imħabbra sensiela ta’ investimenti  u fadlilhom jagħmlu dan mhux biss għax qed joħolqu setturi ġodda u mhux biss għax qed joħolqu wkoll xogħol speċjalizzat imma wkoll qed joħolqu dawk il-karrieri li mhux biss iwasslu għal titjieb fis-salarji imma jagħtuk xogħol li joffri futur isbaħ u kwalità ta’ ħajja aħjar. Hawnhekk tkellem dwar l-għola rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u l-anqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna. 

Tkellem ukoll dwar l-ambjent u qal li fil-manifest qed juri kif se jagħmlu tranżizzjoni tal-prijoritajiet tagħhom biex isebħu pajjiżna u jħadruh b’aktar spazji miftuħa u ġodda li jistgħu jitgawdew mill-familji. Qal li se jikkonvertu numru ta’ toroq prinċipali tat-traffiku fi spazji miftuħa, postijiet li minn toroq traffikużi se jsiru pulmun aħdar fejn in-nies ikunu jistgħu jirrilassaw mal-għeżież tagħhom. Fakkar fil-proġett tas-€700 miljun ewro fil-qasam ambjentali  li se jibdew wiċċ pajjiżna fuq medda ta’ seba’ snin. Semma wkoll il-qalba lejn flotta ta’ vetturi li tkun waħda elettrifikata, kemm dik privata kif ukoll tat-trasport pubbliku. Apparti minn sistemi ta’ trasport pubbliku li jkunu aktar effiċjenti u fil-ħin, u li minn Ottubru li ġej se jkunu b’xejn għal kulħadd.

Fl-aħħar nett huwa wassal il-messaġġ tiegħu: “Għandi fiduċja li jekk se tagħżel Malta isbaħ, Se tagħżel din il-viżjoni. Fiduċja li jekk se tagħżel Malta ta’ opportunitajiet, Se tagħżel dan il-manifest. Fiduċja li jekk trid kwalità tal-ħajja aħjar, Se tagħżel dan il-ħsieb. Fuq kollhom fiduċja fikom – li tridu ġustizzja u fairness – se tagħżlu dan il-moviment għalhekk tibqax id-dar. Tagħżel x’tagħżel, toqgħodx lura. Oħroġ u vvota. Għax għandi fiduċja fl-għażla tagħkom. Għax flimkien nistgħu nwettqu l-futur. Malta Flimkien għax il-futur sabiħ.”

Ekonomija

Sport