Saturday, December 21, 2024

“Dan il-Gvern għamel u qed jagħmel minn kollox sabiex minkejja kull diffikultà n-nies għadhom fil-qasam tax-xogħol”

Jgħid dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana

Aqra wkoll

Kif nafu ftit tal-ġranet ilu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana għadu kemm ħabbar il-budget tal-gvern għas-sena d-dieħla. Kienu ħafna r-reazzjonijiet pożittivi wara ċerti miżuri li ttieħdu li fuq kollox kellhom għan wieħed; dik li tissaħħaħ l-ekonomija. 

Dan is-sit tkellem mal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana dwar il-viżjoni ta’ dan il-gvern għas-sena d-dieħla li mistennija tkun aktar produttiva fit-tentattiv li tirkupra wara d-daqqa li l-pandemija tal-COVID-19 tat b’mod globali. 

Staqsejnieh kif innutajna li għadd ta’ pajjiżi madwarna qed jikkunsidraw li jgħollu t-taxxi wara l-mod kif ġew affettwati mill-pandemija. Fl-istess waqt, f’dawn il-pajjiżi qed jingħad diskors fuq żieda fit-tariffi għall-enerġija. F’pajjiżna dan id-diskors ma jeżistix. Dan kollu mhux b’kumbinazzjoni anzi pajjiżna kien kapaċi jagħti inċentivi u benefiċċji lil għadd ta’ faxex fis-soċjetà minkejja l-piż li ħalliet il-pandemija.

Għa din id-domanda, il-Ministru Carauna qalilna li “tajjeb li ngħidu li l-qasam tax-xogħol baqa’ ferm b’saħħtu. Qabel il-pandemija kellna sitwazzjoni fejn il-livell ta’ qgħad kien naqas. Naturalment il-pandemija effettwat ferm iżda aħna xorta rajna kif nagħmlu sabiex inżommu l-magna ekonomika b’saħħitna. Illum nista’ ngħidlek li n-nies li jaħdmu żdiedu filwaqt li qed nagħmlu minn kollox sabiex l-ekonomija tkompli tirkupra,”.

Staqsejnieh kif hu fatt li pajjiżna qala’ daqqa finanzjarja bil-pandemija. Id-deficit ta’ pajjiżna u d-dejn żdiedu. Saqsejnieh  meta hu previst bħala gvern li nerġgħu inkunu fil-pożizzjoni li konna fiha fl-2019 f’dawk li huma finanzi u l-livell ta’ dejn.

“Diffiċli tgħid meta nkunu f’dik is-sitwazzjoni. L-irkupru ekonomiku għadu qed iseħħ u aħna rridu nkomplu nnaqqsu d-deficit. L-importanti għalissa hu li tkompli tissaħħaħ l-ekonomija, dik għalina hi prijorità assoluta.”

Ma stajniex ma nistaqsuhx kif minkejja kollox diversi faxex tas-soċjetà bħal pensjonanti ingħataw għadd ta’ żidiet. Hu fatt li dan se jwassal biex aktar nies joħorgu mir-riskju ta’ faqar. Skont il-Ministru Caruana dawn il-miżuri huma proprju intenzjonati għall-anzjani li f’dan l-istadju hu ferm importanti li jkomplu jirċievu l-għajnuna. L-għan prinċipali dejjem għandu jkun li jonqsu n-nies b’riskju ta’ faqar.

Mistoqsi dwar il-fatt li l-Gvern Laburista spiss jiftaħar li l-budget hu bla taxxi. Għednielu li nifhmu li l-gvern qed jibbaża ħafna fuq il-konsum tan-nies fil-qasam domestiku u t-taxxi illi jdaħħal minn hemm. Iżda kemm hu sostenibbli dan il-pjan fit-tul?

Għal dan il-Ministru iwieġeb li “primarjament id-dħul tal-gvern jiġi mill-income tax, il-bolla, id-dazju u s-sisa. Dawn huma ferm importanti sabiex jinħoloq budget pożittiv. Il-gvern qed jimmira li jkollu żieda fit-turiżmu matul is-sena 2022 u skont il-pjan tagħna, l-ekonomija se tirranka, ir-rota għandha ddur iktar u fl-aħħar mill-aħħar inkunu aktar sostenibbli ekonomikament.”

Sahra u part tajm… għaliex qed jitpinġew bħala ‘tal-beżlin”?

Mistoqsi dwar kif fil-budget saru inċentivi biex tonqos it-taxxa fuq is-sahra u xogħol part-time u kif il-gvern iddeskriva dan bħala li din kienet miżura tippremja il-bżulija. Irrimarkajnielu kif madankollu dan il-messaġġ jista’ jiġi interpretat ħażin minħabba li l-ħaddiema jista’ jkollhom inqas ħin mal-familja.

Hawn il-Ministru Caruana weġibna li bħala gvern mhux qed jisforza lin-nies sabiex jaħdmu xogħol part-time. Hemm eluf ta’ ħaddiema li jammontaw għal madwar 30,000 li jagħmlu xi tip ta’ sahra u eluf oħra li jaħdmu part-time. L-idea anzi hi li min jaħdem xi ħaġa żejda, il-gvern iħallilu iktar flus fil-but. 

Ebda ħsieb ta’ ‘congestion charges’

Kellimna lil Clyde Caruana dwar it-trasport pubbliku bla ħlas li kienet miżura li interessat lil ħafna nies. Jidher iżda li mhux kulħadd lest li jaqbad il-karozza tal-linja. Għad hemm min qed jgħid b’tal-linja iddum biex tasal minħabba it-traffiku. Il-fatt li jista’ jkun hemm għadd ta’ nies li jagħżlu li ma jużawx is-servizz, jista’ jwassal biex il-proposta tal-gvern ma tkunx vijabbli, fis-sens ikun qed joħroġ flejjes kbar biex it-trasport sar b’xejn imma l-konġestjonijiet fit-toroq mill-karozzi jibqgħu xorta realtà ta’ kuljum. Kien hemm min qal li l-gvern messu ħa miżuri oħra bħal ‘congestion charges’ jew toroq arterjali li jekk tgħaddi minnhom f’ċertu ħinijiet ikollok tħallas kif hemm barra pajjiżna. 

Il-Ministru wieġeb hekk: “M’hemm l-ebda ħsieb li jkun hemm spejjeż oħra li jrid joħroġ is-sewwieq ma’ dawk li diġa’ għandu. Aħna għandna pjan sabiex inkomplu nneħħu aktar konġestjonijiet ta’ karozzi mit-toroq tagħna. Qed nippruvaw diversi soluzzjonijiet u qed inkomplu naraw kif intejbu s-sitwazzjoni.”

Il-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali

Ma stajniex ma nistaqsuh dwar ir-realtà tal-ħaddiema li jaħdmu ma’ pjattaformi diġitai. Semmejnielu li wara dan il-budget li tħabbar, kien hemm min qal li l-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali issemmew ftit. Għalhekk il-mistoqsija toħroġ waħedha. X’se jkun qed isir biex dawn il-ħaddiema ma jibqgħux sfruttati u jkollhom drittijiet bħal ħaddiema oħrajn?

Il-Ministru Cyde Caruana wieġeb li “infurmat li l-Ministru Carmelo Abela għamel ħafna xogħol sabiex dawn il-kumpaniji jkomplu jirregolarizzaw ruħhom. Fost l-oħrajn, is-self employed ġew impjegati u għaddejjin bil-kundizzjonijiet tax-xogħol li trid tirrispetta. Hemm numru ta’ verifiki li huma għaddejjin u jekk dawn ma jissodisfawx il-kriterji, ma jgawdux minn dan it-trattament.”

Il-barranin imħaddmin illegalment… il-budget insihom?

Staqsejnieh ukoll dwar ir-realtà xejn sabiħa f’pajjiżna, dik li hawn ammont ta’ persuni barranin li qed jitħaddmu illegalment. Il-budget donnu li din ir-realtà qed iħalliha barra u ma jindirizzahiex. Il-Gvern ma jqisiex inkwetanti din? Ghaliex qed inkomplu nhallu din ir-realtà għaddejja?

Hawn il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol iddikjara li n-numru ta’ ħaddiema barranin mingħajr ktieb tax-xogħol naqas minħabba l-COVID-19. Kien hemm minnhom li kellhom jitilqu lura lejn pajjiżhom. Sadanittant għaddejjin diversi spezzjonijiet sabiex permezz ta’ units ta’ infurzar, dawk in-nies li qed jimpjegaw ħaddiema b’mod illegali jinqabdu.

Budget li indirizza ħafna ħtiġijiet ambjentali

Tkellimna wkoll dwar suġġett li bħalissa qiegħed fuq fomm kulħadd; l-ambjent. F’dan il-budget kien hemm diversi inizjattivi partikolari. Iżda x’inhi l-aspirazzjoni futura tal-gvern fuq dan is-suġġett?

“Naqbel miegħek li dan il-budget indirizza ħafna ħtiġijiet ambjentali permezz tal-iskema sabiex nirriġeneraw l-ibliet u l-irħula tagħna. Hemm pjan sabiex nibnu bosk żgħir fl-Inwadar bejn ix-Xgħajra u Żonqor filwaqt li hemm aktar inizjattivi fuq il-pannelli solari. Irridu wkoll nassiguraw li jinxtraw karozzi li ma jniġġsux. L-ambjent mhux biss siġar iżda wkoll il-madwar tagħna.”

Finalment xtaqna li l-Ministru jwassal messaġġ partikolari lid-diversi haddiema li s-settur tagħhom għadu ma irkuprax mill-pandemija.

“Dan il-gvern għamel u qed jagħmel minn kollox sabiex minkejja kull diffikulta’ n-nies għadhom fil-qasam tax-xogħol. Bħala gvern se naraw li dawn is-setturi ma jkomplux jaqilgħu aktar daqqiet. Dak kollu li għamilna ma nistgħux nitilfuh, anzi se nagħmlu l-almu tagħha sabiex min sofra tul il-pandemija, ngħinuh iqum kif suppost. Din hi l-wegħda tagħna li ma nħallu lil ħadd barra u se naraw li nwettquha.”

Ekonomija

Sport