Tuesday, April 23, 2024

L-AMBJENT FIĊ-ĊENTRU TAL-BUDGET 2022

Aqra wkoll

L-ambjent jikkontribwixxi bil-kbir għall-kwalità tal-ħajja li ngħixu u aktar ma jgħaddi ż-żmien qed ikompli jikber fl-importanza tiegħu. Dan huwa fatt li Gvern Laburista fehem u qed jaġixxi b’mod konkret biex jiggarantixxi futur sostenibbli għall-poplu Malti. Il-gvern qed jaġixxi bil-fatti biex sal-2050 nilħqu l-mira aħħarija ta’ żero karbonju u għaldaqstant il-bżonn li nnaqqsu l-emmissjonijiet u ngawdu kwalità ta’ arja aħjar minn dik li għandna llum.

Kif pajjiżna ffaċċja pandemija u għaraf jidentifika l-opportunitajiet minnha, hekk ukoll se jkun qed jagħmel mill-fenomenu globali tat-tibdil fil-klima. Kif stqarr riċentament il-Prim Ministru, Robert Abela; “it-tkabbir ekonomiku u l-ambjent huma l-faċċata tal-istess munita li jeħtieġu jimxu id f’id biex tiġi assigurata l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.” Tassew, il-gvern mhux jara l-ambjent bħala piż, iżda opportunità.

Huwa għalhekk li l-miżuri ambjentali mħabbra fil-budget huma bbażati fuq il-viżjoni tal-Gvern għas-snin li ġejjin, il-Malta ta’ għada. Huma wkoll miżuri li jwittu t-triq għal ekonomija ħadra u reżiljenti, l-ekonomija li pajjiżna. Fuq kollox, il-miżuri mħabbra, mistennija jħallu effett fiż-żmien li ġej u għodda biex tiġi implimentata l-viżjoni li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-ġimgħat ilu, viżjoni li tpoġġi l-ambjent, l-ekonomija u l-qasam soċjali fuq l-istess livell. 

Il-budget mħabbar fil-11 ta’ Ottubru huwa opportunità biex verament nagħmlu differenza fil-qasam tal-ambjent. Hu opportunità biex verament nagħmlu differenza f’ħajjet in-nies permezz ta’ miżuri ċari u immirati għall-preżent u l-futur tas-soċjetà Maltija. 

Il-miżuri mħabbra jirriflettu il-ħsieb tiegħi fuq diversi temi li importanti li għandhom impatt fuq il-pajjiż u wisq aktar fuq ir-residenti tal-ewwel u t-tielet distrett. Huwa għalhekk li nilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva mħabbra mill-gvern biex ikun hemm intensifikazzjoni ta’ interventi ta’ din ix-xorta fuq diversi siti, fosthom dawk fejn ix-xogħol inbeda diġà bħal Magħluq ta’ Marsaskala. 

Hi tassew pożittiva l-inizjattiva mħabbra fil-Budget 2022 li ser jiġu introdotti smart bins b’aċċess ikkontrollat u b’sorveljanza kontinwa sabiex entitajiet kummerċjali jkunu jistgħu jisseparaw l-iskart f’kull ħin tal-ġurnata. Dan se jsir b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali. Nemmen li din l-inizjattiva ser tkun qed tgħin ħafna kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell nazzjonali. 

Għaqlin kienu wkoll il-miżuri mħabbra mill-gvern biex jiġi rijabilitat il-Park tal-Inwadar li jestendi min-naħa tax-Xgħajra saż-Żonqor billi jsir tħawwil ta’ għexieren ta’ eluf ta’ siġar ġodda adattati għat-tipoloġija tal-inħawi. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li mhux biss tingħata dehra estetika differenti fid-dehra ta’ Malta kif tidher fuq il-mappa imma ser iwassal ukoll biex dan isir il-Park Nazzjonali, park b’masġar li jkun akbar minn dak tal-Buskett u li jkun jista’ jitgawda minn kulħadd u jservi wkoll bħala attrazzjoni turistika. Il-proġett ser jinħadem fuq medda ta’ ħames snin b’investiment ta’ €20 miljun li jaċċerta wkoll is-sostenibbilità tiegħu b’mod partikolari fl-immaniġġjar tal-ilma u anke l-ħarsien tal-bijodiversità tal-Inwadar.

Nilqa’ wkoll b’sodisfazzjon l-inizjattiva mħabbra mill-gvern għal aktar proġetti vertikali (green walls), ġonna fuq soqfa (green roofs) bħal dak li qed isir fuq il-Liċeo San Ġorġ Preca, it-tisbiħ ta’ ġonna bħal Ġnien Romeo Romano, Ġnien Spencer u Ġnien Belveder kif ukoll il-proġett tat-tisqif tat-Triq Reġjonali f’Santa Venera. Ambizzjuża hija wkoll l-inizjattiva tal-gvern biex ikomplu l-istudji biex issir il-pedonizzazzjoni permanenti f’forma ta’ ġnien matul Triq Sant’Anna fil-Floriana. 

Il-proġett ambjentali tal-gvern ser iwassal għal kwalità ta’ arja aħjar ukoll permezz ta’ skemi mmirati fosthom skema mill-Malta Enterprise maħsuba biex tassisti intrapriżi jibdlu vetturi li jaħdmu bil-fjuwil għal vetturi li jaħdmu b’mod elettriku u soluzzjonijiet oħra. L-iskema ser tkun qed tkopri parti mid-differenza fl-ispiża ta’ bejn vetturi li jaħdmu bil-fjuwil u vetturi li jaħdmu b’mod elettriku. L-intrapriżi ser ikunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema meta jibdlu vetturi eżistenti għal vetturi elettriċi ġodda. Il-gvern ser ikun qed jintroduċi wkoll skema għall-vetturi li jiġu installati l-pannelli fotovoltajiċi. 

Dan huwa tassew gvern li bil-fatti, ipoġġi l-ambjent fiċ-ċentru tal-politika u l-viżjoni tiegħu biex tassew itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha. Dan huwa budget li verament ser jistimola l-ekonomija l-ħadra, ser jikkontribwixxi biex il-gvern jilħaq il-miri stabiliti f’dan is-settur u fuq kollox, ser jagħmel differenza f’ħajjet kull wieħed u waħda minna. 

Dan huwa l-Gvern Laburista. Gvern li ma jwiegħedx duħħan imma viżjoni konkreta b’miri konkreti. Dan huwa għalfejn fil-vjaġġ politiku tiegħi qed nikkontribwixxi biex in-nies tal-ewwel u t-tielet distrett igawdu minn ambjent aħjar. Dan huwa għalfejn fix-xhur li ġejjin ser inkun qed naħdem qatigħ biex dak li ġie mwiegħed fil-11 ta’ Ottubru, jitwettaq biex verament intejbu l-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Sport