Saturday, May 4, 2024

Darts: Floriana Ajax jibdew bil-kbir

Aqra wkoll

Hekk kif beda b’mod uffiċjali l-istaġun lokali tad-darts, iċ-champions Floriana Ajax A bdew bl-aħjar mod hekk kif għelbu lit-tieni tim tagħhom bl-iskor ta’ 7-1. Kienet derby partikolari biż-żewġ timijiet mill-istess klabb li se jkunu qed jilagħbu fl-istess diviżjoni. Wara li sabu ruħhom 1-0 minn taħt, l-ewwel tim tal-Ajax kienu kapaċi jdawru l-iskor favurihom sabiex kisbu rebħa ferm importanti.

F’aktar logħbiet mill-ogħla diviżjoni tad-darts, Manchester Conquest Pub kisbu rebħa tajba ta’ 6-2 kontra PO’s Bar Gudja filwaqt li Education Bar Men kellhom jitħabtu aktar milli mistenni sabiex jegħlbu lil Ħamrun Bayern A 5-3.

F’logħba ferm eċitanti, Qormi Hockey Club A u Sliema Inter DC qasmu l-punti fi dro ta’ 4-4.

Fit-tieni diviżjoni, Fgura B, Qormi B u Whyte Hart ixxalaw u għelbu lil Żurrieq FC, Munchies u B’Buġa St Peters rispettivament bi skor identiku ta’ 7-1. Mill-banda l-oħra, il-partita bejn Ħamrun Bayern B u Top Gun Bar kienet aktar bilanċjata għalkemm kienu dawn tal-ewwel li rebħu 5-3.

Finalment fit-tielet diviżjoni spikkat ir-rebħa ta’ Banda Birżebbuġa li għelbu lill-Imqabba tal-Ġilju 7-1 filwaqt li Beland Żejtun tħabtu xi ftit kontra Fgura A għalkemm xorta rebħu 5-3.

Min-naħa l-oħra, kellna konfronti bilanċjati ferm bejn Cox Sports Bar u Mqabba FC kif ukoll St Paul’s Diamonds u Qormi Hornets bir-riżultat finali f’dawn iż-żewġ logħbiet ikun dak ta’ 4-4.

Sport