Friday, May 3, 2024

MAFA: San Gwann PE u Zebbug U jibqgħu juru l-konsistenza

Aqra wkoll

San Ġwann Pro Evolution u Żebbuġ Youngsters baqgħu jżommu l-konsistenza fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA meta kisbu rebħiet tajba kontra l-avversarji rispettivi tagħhom.

Mill-banda l-oħra, Fgura Spartans u Mosta Vikings kisbu t-tieni punt staġjonali filwaqt li Naxxar Victorians għadhom ankrati fl-aħħar post tal-klassifika hekk kif tilfu t-tielet logħba konsekuttiva.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni tal-MAFA, Żabbar Southsiders huma l-liders assoluti wara rebħa ferm diffiċli fuq Floriana Fsobians.

San Ġwann Pro Evolution Academy ikkonfermaw li se jkunu kandidati serji għar-rebħ tat-titlu wara li ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Żejtun Laċċi bl-iskor ta’ 3-0.

Iż-żgħażagħ Franċiżi kellhom wirja oħra tajba u ftit taw ċans lill-avversarji tagħhom jilagħbu l-logħba tipika tagħhom.

Huma fetħu l-iskor wara 28 minuta logħob permezz ta’ Liam Grandehomme li għeleb lill-gowlkiper avversarju u skorja t-tielet gowl staġjonali tiegħu.

Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, San Ġwann għamluhom tnejn permezz ta’ Abdul Baset Fadeel.

Fit-tieni taqsima, Żejtun ippruvaw jidħlu fil-logħba iżda reġgħu kienu San Ġwann li ssiġġillaw ir-rebħa permezz ta’ Awed Ahmed Tariq.

Referi kien Jonathan Balzan.

Joao Orban kien il-protagonista prinċipali għal Żebbuġ Youngsters wara li għen lit-tim tiegħu jegħlbu lill-Imqabba Albions bl-iskor ta’ 2-0.

Kienet logħba fejn iż-Żebbuġin amministraw tajjeb il-partita bl-Imqabba li għalkemm taw qalbhom naqsu milli jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.

Orban skorja l-gowls tiegħu fid-19-il minuta tal-ewwel taqsima sabiex fil-45 minuta żied ieħor u aċċerta lil Youngsters mit-tliet punti ferm prezzjużi.

Fuq kollox, l-attakkant Brażiljan jinsab jokkupa l-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers b’ħames gowls.

Fl-istess waqt, Żebbuġ Youngsters qed jokkupaw l-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ San Ġwann Pro Evolution Academy.

Referi kien Reno Galea.

Balluta Barracudas kisbu t-tieni rebħa staġjonali meta għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 3-1.

Kienet logħba ferm kumbattuta, bil-Barracudas li stabilixxew il-vantaġġ u bin-Naxxarin li wettqu reazzjoni sabiex reġgħu daħlu fil-partita. Minkejja kollox, Balluta baqgħu konċentrati sabiex kisbu r-rebħa li tant xtaqu.

Wara skor ta’ 0-0 fl-ewwel taqsima, it-tieni 35 minuta kienu mimlija gowls.

Kien Nick Borg li fl-40 minuta poġġa lil Barracudas fil-vantaġġ sabiex Andrew Mallia ġab l-iskor indaqs għal Naxxar.

Balluta Barracudas baqgħu ffukati tant li bdew jassedjaw il-lasti Naxxarin fit-tfittxija għall-gowl tal-vantaġġ.

Fis-57 minuta Andrew Tortell għamilhom 2-1 sabiex Jorge Benitel issiġġilla r-rebħa tmien minuti minn tmiem il-konfront.

Referi kien Pasquale D’Errico.

Mosta Vikings u Fgura Spartans temmew il-konfront ta’ bejniethom fi dro ta’ 1-1. Dan ir-riżultat ma ssodisfa lill-ebda tim sabiex b’hekk kollox baqa’ l-istess fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Il-bidu kien wieħed perfett għal Fgura Spartans hekk kif wara biss minuta marru minn fuq permezz ta’ Ryan Bugeja sabiex kmieni fit-tieni taqsima, Darrell Grech ġab l-iskor indaqs għall-Mostin.

Referi kien Jason Penza.

Sadanittant mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Żabbar Southsiders rebħu logħba delikata u diretta kontra Floriana Fsobians bl-iskor ta’ 2-1. Kienet logħba ferm akkanita fejn iż-żewġ timijiet ma ċedewx pulzier għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu ż-Żabbarin li ħarġu bi tbissima fuq fommhom.

Lyon John Farrugia poġġa lil Żabbar Southsiders fil-vantaġġ sabiex l-iskorer prolifiku ta’ Floriana Justin Felice ġab id-dro.

Żabbar Southsiders skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Luke Cachia.

Referi: Jason Penza.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Żebbuġ Youngsters, San Ġwann Pro Evolution Academy 9, Balluta Barracudas 6, Mqabba Albions 4, Mosta Vikings, Fgura Spartans 2, Żejtun Laċċi 1, Naxxar Victorians 0

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Żabbar Southsiders 9, Floriana Fsobians, Swieqi Braves 6, Birkirkara St Joseph 3, Ħal Far Sparks, Gudja Wanderers 1,

Sport