Ir-rebħa miksuba minn Senglea Regatta Club fir-Regatta tal-Ħelsien 2026 ma ġietx b’kumbinazzjoni, iżda kienet frott ta’ ħidma kontinwa u ppjanata tul diversi snin. Dan sostnieh il-President Keith Psaila, li f’intervista ma’ dan is-sit tkellem fid-dettall dwar dan is-suċċess u kif waslu għalih.
“Dan is-suċċess huwa kontinwazzjoni tax-xogħol li ilu jsir,” beda jgħid Psaila. “Mhux xi ħaġa li ġiet mil-lum għal għada. Ilna nibnu tim għal dawn l-aħħar snin u llum qed naraw ir-riżultati.”
Fil-fatt, Senglea kkonfermaw l-qawwa tagħhom wara li żiedu r-Regatta tal-Ħelsien ma’ dik ta’ Jum il-Vitorja tas-sena l-oħra. Għal Psaila, dan juri li t-tim illum huwa wieħed mill-aqwa fil-pajjiż.
“Jekk tħares lejn l-aħħar erba’ regatti, aħna konna wieħed mill-aħjar timijiet. Irbaħna f’Settembru li għadda u issa erġajna kkonfermajna. Ma kinitx sorpriża għalina, għax nafu x’xogħol sar.”
Waħda mill-aktar affarijiet li jispikkaw fit-tim ta’ Senglea hija l-bilanċ bejn żgħażagħ u esperjenza. Psaila enfasizza li din it-taħlita hija essenzjali għas-suċċess.
“Għandna taħlita sabiħa ħafna. Hemm qaddiefa żgħażagħ li qed jitgħallmu u hemm oħrajn b’esperjenza li jgħinuhom jikbru. Fil-verità, ħafna mit-tim huwa l-istess bħal dak li kellna f’Settembru, iżda żdiedet aktar maturità.”
Dan il-proċess ta’ tkabbir ma waqafx. Skont Psaila, anke l-qaddiefa li diġà għandhom esperjenza qed ikomplu jiżviluppaw.
“Anke dawk li ngħidu li huma esperjenzati, xorta qed jibnu aktar esperjenza. Dan huwa sport fejn dejjem titgħallem, u aħna nemmnu ħafna f’dan.”
Ir-regatta nnifisha kienet waħda partikolari, peress li kellha tiġi sospiża fil-31 ta’ Marzu minħabba l-maltemp u kompliet f’żewġ stadji. Minkejja dan, Psaila kien sodisfatt ħafna bl-organizzazzjoni.
“Naħseb li din kienet waħda mill-aħjar organizzazzjonijiet li rajna f’dawn l-aħħar snin,” qal. “Nixtieq nagħmel enfażi fuq dan, għax tassew kien hemm titjib kbir.”
Huwa semma kif l-involviment ta’ nies ġodda u strutturi aktar professjonali għamel differenza.
“Ġew maħtura nies bħaċ-chairman Kevin Borg u wkoll l-involviment ta’ AIMS ġab aktar serjetà. Rajna affarijiet li qatt ma rajna qabel, bħal testing u trackers fuq id-dgħajjes.”
Skont Psaila, dawn il-miżuri huma importanti biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni tkun ġusta.
“Il-fehma tiegħi hija ċara għax ir-regoli ma jistgħux jitgħawwġu. Għandu jkun hemm nies inkarigati biex jaraw li kollox jimxi sew, u din id-darba hekk ġara.”
Fuq livell kompetittiv, ir-regatta ma kinitx faċli għal Senglea. Minkejja li fl-aħħar ħarġu rebbieħa, kellhom sfida qawwija minn Cospicua Regatta Club.
“Is-Sibt kellna sfida vera minn Bormla. Konna ras imb’ras sa l-aħħar tiġrija. Dan juri kemm il-livell qed jogħla.”
Dan ifisser li, minkejja r-rebħa, hemm aspetti li jridu jiġu analizzati u mtejba.
“Mhux dejjem morna tajjeb. Hemm tiġrijiet fejn nistgħu nagħmlu aħjar u rridu naraw x’ġara eżatt. L-importanti hu li nibqgħu nitgħallmu u nħarsu ’l quddiem.”
Psaila tkellem ukoll dwar xi bidliet li saru fit-tim li kellhom impatt dirett fuq ir-riżultati.
“Għamilna xi changes importanti. Pereżempju, kien hemm bidla fid-dgħajsa ta’ b’erbgħa fejn mit- tieni post irnexxielna nispiċċaw l-ewwel. Dawn huma deċiżjonijiet li jagħmlu differenza kbira.”
Semma wkoll ismijiet ta’ qaddiefa li taw kontribut importanti.
“Il-preżenza ta’ nies bħal Denilson Long u Owen Zammit kienet importanti ħafna. Dawn huma qaddiefa li jġibu kwalità u esperjenza.”
Bidla oħra li spikkat kienet fil-kategorija tal-midalji, fejn Senglea rnexxielhom iduru riżultat li inizjalment ma kienx favurihom.
“Fil-midalji konna ġejjin it-tieni, iżda b’bidliet li għamilna rnexxielna nispiċċaw l-ewwel.
Dik kienet differenza kbira u għenitna ħafna fil-klassifika finali.”
Psaila semma wkoll il-kontribut ta’ Wayne Pike Xuereb f’din il-kategorija.
“Wayne kien importanti ħafna. Bl-esperjenza tiegħu għenna ntejbu r-riżultat u anke għaddejna lil Vittoriosa Regatta Club, li f’Settembru kienu qabżuna.”
Din ir-rebħa għal Senglea tfisser ħafna aktar minn sempliċi trofew. Hija konferma li l-klabb miexi fid-direzzjoni t-tajba.
“Meta tara li x-xogħol li tkun għamilt qed jagħti frott, tkun sodisfatt ħafna. Iżda fl-istess ħin irridu nibqgħu umli.”
Fil-fatt, Psaila ma jridx li t-tim jitlef il-fokus tiegħu wara dan is-suċċess.
“Importanti ħafna li nibqgħu saqajna mal-art. Din hija importanti ħafna. Ir-rebħ huwa sabiħ, iżda rridu nkomplu naħdmu għax il-kompetizzjoni hija kbira.”
Huwa temm billi issa jħares lejn il-futur u x’hemm jistenniehom.
“Se nanalizzaw kollox, kemm it-tajjeb kif ukoll dak li nistgħu ntejbu. Imbagħad nibdew naħsbu għal li jmiss. Il-mira tagħna hija li nibqgħu kompetittivi u nkomplu nikbru bħala tim.”
B’dan il-mod, Senglea Regatta Club qed jikkonsolidaw ruħhom bħala forza ewlenija fir-regatti Maltin, b’pedamenti mibnija fuq dixxiplina, għaqda u viżjoni ċara għall-futur.

