Wednesday, April 15, 2026

‘Ma rridux nitilfu l-identità tagħna … l-għan huwa li nkomplu nibnu fuq dak li diġà għandna’ – Charles Caruana

Aqra wkoll

Hemm mumenti fil-futbol li jibqgħu mnaqqxa għal dejjem fl-istorja ta’ klabb, u dak li kiseb Attard Football Club fl-istaġun li għadda bla dubju huwa wieħed minnhom. Promozzjoni meritata lejn il-BOV Challenge League li ġiet wara snin twal ta’ ħidma, sagrifiċċju u viżjoni ċara. F’nofs dan kollu hemm figura li ilha sinonima mal-klabb għal aktar minn 20 sena, il-President Charles Caruana.

Caruana, li ilu President minn Ġunju tal-2006 u membru tal-kumitat sa mis-sena 2004, għandu rabta ferm aktar profonda mal-klabb milli sempliċement dik amministrattiva. Huwa kien player, coach u anke bniedem li ħadem direttament mat-tfal tan-nursery. Din il-ħidma twila u kontinwa issa qed tagħti l-frott tagħha.

“Dan hu tragward storiku għall-klabb,” qal Caruana b’ton ta’ sodisfazzjon waqt intervista li ta lis-sit tagħna. “Mhux biss għax tlajna diviżjoni, iżda għax din il-promozzjoni hija r-riżultat ta’ ħafna xogħol li ilu jsir snin twal, speċjalment fil-livell taż-żgħażagħ.”

Il-mixja ta’ Attard FC ma kinitx waħda faċli. Il-klabb twaqqaf fl-1974 u għadda minn diversi fażijiet, minn żminijiet diffiċli sa suċċessi li ftit ftit bnew identità soda. Waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti fil-passat kienet it-twaqqif tan-nursery fl-1988, inizjattiva li Caruana kien parti minnha u li llum qed tħalli impatt konkret.

“Jiena dejjem emmint li trid tibda mit-tfal,” spjega. “Jekk ma tinvestix fin-nursery, allura ma jkollokx futur. Dawk it-tfal li kont ngħallem minn Under 7 illum qed jagħmlu parti mill-ewwel tim. Dik hija sodisfazzjon kbir.”

Fil-fatt, wieħed mill-punti ewlenin ta’ din il-promozzjoni kien proprju l-fatt li t-tim kien mibni fuq plejers lokali li trabbew fil-klabb. Caruana ma ħebiex il-fatt li għamel għażliet diffiċli biex jasal għal dan.

“Kien hemm żmien fejn kellna nieħdu deċiżjonijiet iebsa. Ħallejna ċerti plejers biex nagħtu spazju lil dawk li huma verament tal-klabb. Illum qed naraw ir-riżultat ta’ dik il-filosofija.”

Fost dawn iż-żgħażagħ, Caruana semma b’mod partikolari ismijiet bħal Jayden Agius u Zack Farrugia, plejers li diġà bdew jagħmlu impatt minkejja l-età żgħira tagħhom.

“Lil dawn iż-żewġ plejers tajnihom iċ-ċans jilagħbu u ma ddiżappuntawniex. Meta tara plejer li trabba miegħek jagħmel pass ’il quddiem, dak hu s-suċċess veru.”

Naturalment, wara promozzjoni bħal din, il-mistoqsija li tiġi f’moħħ kulħadd hija jekk Attard FC hux lest għall-isfidi tal-BOV Challenge League. Caruana jaf li hemm qabża bejn il-livelli, iżda jidher kunfidenti li l-klabb jista’ jżomm saqajh mal-art.

Dan is-suċċess ma ġiex biss mir-riżultati fil-grawnd, iżda wkoll mill-appoġġ kontinwu tal-komunità ta’ Ħ’Attard li dejjem kienet wara t-tim tagħha. Il-partitarji, il-familji tal-plejers u dawk kollha involuti fil-klabb kellhom sehem importanti biex jinħoloq ambjent pożittiv u motivanti.

Caruana tenna li mingħajr din l-għaqda bejn il-klabb u r-raħal, il-kisbiet ma kinux ikunu possibbli. Huwa enfasizza kemm hu importanti li kulħadd jibqa’ jaħdem flimkien biex il-klabb ikompli jissaħħaħ mhux biss fil-livell kompetittiv, iżda wkoll bħala istituzzjoni sportiva li tagħti valur lill-komunità.

“Hemm differenza, iva bejn il-BOV Amateur League 1 u l-BOV Challenge League, u rridu nirrikonoxxuha. Il-livell se jkun ogħla u l-kompetizzjoni aktar diffiċli. Imma aħna għandna nukleu tajjeb ta’ plejers li fuqu nistgħu nibnu.”

Madankollu, ma jeskludix li se jkun hemm bżonn xi bidliet.

“Żgur li se nagħmlu xi rtokki. Pereżempju, ir-regolamenti jippermettu li jkollok aktar plejers barranin u dan huwa aspett li rridu nikkunsidraw. Fl-istess ħin, qed naħdmu biex nerġgħu nġibu magħna xi tfal li kellna mislufa ma’ timijiet oħra.”

Il-bilanċ bejn żgħażagħ lokali u rinforzi ġodda jidher li se jkun iċ-ċavetta għall-istaġun li ġej. Caruana jinsisti li, minkejja kollox, il-filosofija tal-klabb mhux se tinbidel.

“Ma rridux nitilfu l-identità tagħna. L-għan huwa li nkomplu nibnu fuq dak li diġà għandna, mhux li nbiddlu kollox f’daqqa.”

Il-promozzjoni ġiet ikkonfermata b’rebħa importanti ta’ 2-0 kontra San Ġwann, logħba li rat lil Nicholas Schembri jiftaħ l-iskor u lil Precious Uchechukwu Nwankwo, wieħed mill-aqwa barranin f’din id-diviżjoni, jissiġilla r-rebħa fil-ħin miżjud. Dik il-logħba kienet simbolu perfett tal-istaġun, wieħed ta’ determinazzjoni, dixxiplina u effiċjenza.

Għal Caruana, dan is-suċċess huwa wkoll frott ta’ ħidma kollettiva.

“Ma nistax ma nsemmix lill-istaff kollu. Għandna grupp ta’ nies dedikati li ilhom jaħdmu flimkien snin twal, u anke huma għamlu l-istess vjaġġ mal-klabb, minn diviżjonijiet aktar baxxi sa fejn wasalna llum.”

Fil-fatt, il-kontinwità kienet fattur kruċjali. Il-fatt li ħafna mill-istaff u l-plejers ilhom flimkien għal żmien twil ħoloq sens qawwi ta’ familja.

“Meta jkollok grupp magħqud, kollox isir aktar faċli. Il-plejers jifhmu lil xulxin, jafdaw lil xulxin, u dan jidher fil-grawnd.”

Hekk kif Attard FC issa jħares ’il quddiem lejn kapitlu ġdid fil-BOV Challenge League, il-messaġġ tal-President huwa wieħed ċar: kulħadd għandu jibqa’ umli, jaħdmu iebes u jkomplu jinvestu fil-ġenerazzjonijiet futuri.

“Din mhijiex it-tmiem ta’ ċiklu anzi dan hu bidu ġdid. Irridu nibqgħu nżommu saqajna mal-art u naħdmu aktar minn qatt qabel. Jekk nibqgħu mexjin fuq il-valuri li wassluna s’hawn, nemmen li nistgħu nagħmlu pass ieħor ’il quddiem.”

U hekk, storja li bdiet fl-1974 b’ħolma żgħira, illum qed tkompli tikber u qed tkompli tiżviluppa fuq passjoni, komunità u fidi fil-ġejjieni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport