Monday, November 11, 2024

Dani Alves meħlus mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €1 miljun

Aqra wkoll

Qorti Spanjola ddeċidiet li l-eks difensur ta’ Barcelona u tal-Brażil, Dani Alves, jista’ jinħeles b’kundizzjoni mill-ħabs wara li jiskonta madwar kwart tas-sentenza tiegħu għal stupru.

Alves, li x-xahar li għadda kien ikkundannat erba’ snin u nofs ħabs, se jinħeles fuq garanzija personali ta’ €1 miljun.

Huwa kien ilu miżmum f’detenzjoni preventiva minn Jannar 2023.

Ir-raġel ta’ 40 sena nstab ħati li stupra mara f’nightclub, f’Barċellona, f’Diċembru tal-2022.

L-avukat tal-vittma sejjaħ id-deċiżjoni bħala “skandlu”.

Il-kundizzjonijiet għall-ħelsien tiegħu jinkludu li jirtira kemm il-passaporti Brażiljani kif ukoll dawk Spanjoli biex ma jkunx jista’ jitlaq minn Spanja.

Għandu jidher ukoll quddiem il-qorti kull ġimgħa.

Barra minn hekk, il-qorti imponiet ordni ta’ trażżin, li ma tħallihx jersaq lejn il-vittma.

Is-sentenza waslet jum wara li l-avukat ta’ Alves talab il-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li kien diġà skonta kwart tas-sentenza tiegħu f’detenzjoni preventiva wara l-arrest tiegħu.

Id-deċiżjoni, li ma kinitx unanima minħabba vot ta’ nuqqas ta’ qbil minn wieħed mill-imħallfin, xorta waħda tista’ tiġi appellata.

L-avukat tal-vittma, Ester Garcia, qalet li: “Għalija, huwa skandlu li jħallu persuna li taf li tista’ tħallas €1 miljun fi ftit ħin, liberata.”

L-avukat Garcia qalet  li kienet “mhux sodisfatta” bis-sentenza, u żiedet li din kienet “ġustizzja għas-sinjuri” u li kienet se tressaq appell.

L-avukati ta’ Alves għadhom ma kkummentawx.

Matul il-ġuri tax-xahar li għadda, il-prosekuturi qalu li Alves u ħabib tiegħu kienu xtraw xampanja għal tliet nisa żgħażagħ qabel ma Alves ġibed lil waħda minnhom f’żona VIP tan-nightclub f’toilet li ma kinitx taf bih.

Sostnew li kien f’dan il-punt li sar vjolenti, u ġiegħel lill-mara tagħmel atti sesswali miegħu minkejja t-talbiet ripetuti tagħha biex jitlaq.

Alves kien sostna li setgħet telqet “li kieku riedet”. Madankollu, il-qorti sabet li hija ma tatx il-kunsens tagħha.

Il-liġi Spanjola ġiet mibdula reċentement biex tħaddan l-importanza tal-kunsens taħt ‘l hekk imsejjaħ prinċipju “Iva biss hija Iva”.

Fi stqarrija, il-Qorti qalet li kien hemm provi minbarra x-xhieda tal-vittma li kkonfermaw li t-tfajla kienet ġiet stuprata.

Qalet li Alves “qabad f’daqqa lill-vittma” u tefagħha mal-art. Imbagħad kien stupraha filwaqt li żammha milli tiċċaqlaq hekk kif “il-vittma qalet le u riedet jitlaq”, żiedet tgħid.

Il-mara qalet li l-istupru kkaġunalha “dieqa u terrur”, u waħda mill-ħbieb tagħha li kienet magħha fil-lejl iddeskriviet kif iż-żagħżugħa ta’ 23 sena kienet bkiet “bla kontroll” wara li ħarġet mill-kamra tal-banju.

Alves biddel ix-xhieda tiegħu f’numru ta’ okkażjonijiet.

L-ewwel ċaħad li kien jaf lill-akkużatriċi tiegħu biex wara sostna li kien iltaqa’ magħha fit-toilet iżda li ma kien ara xejn bejniethom.

Imbagħad reġa’ biddel il-verżjoni tiegħu tal-avvenimenti, u qal li kellhom sess kunsenswali. “It-tnejn ħadna pjaċir,” huwa allega.

Alves lagħab aktar minn 400 partita ma’ Barcelona, fejn rebaħ sitt titli tal-kampjonat u tliet edizzjonijiet taċ-Champions League f’żewġ perjodi mal-klabb. Huwa kien ukoll parti mill-iskwadra tal-Brażil fit-Tazza tad-Dinja tal-2022.

Huwa rebaħ trofej meta lagħab ma’ Sevilla, Juventus u PSG u huwa fost l-aktar plejers internazzjonali li lagħab mal-Brażil, b’126 dehra.

Sport